Skont survey xjentifiku illi sar mill-gazzetta ‘Illum’, madwar 60% ta’ dawk illi pparteċipaw wieġbu li ma jaqblux mal-Legal Notice li impona l-Gvern dwar il-daqq tal-mużika fil-belt kapitali. Dan ifisser li huma biss 19.4% li qalu li jaqblu mad-daqq tal-mużika fil-belt sas-1am, filwaqt li 19.8% wieġbu li ‘ma jafux’.
Il-maġġoranża ta’ dawk il-votanti li ma qablux mal-legal notice .. li ġiet imposta mill-Gvern mingħajr l-ebda konsultazzjoni, huma dawk il-persuni ta’ bejn il-51 sena u 65 sena, filwaqt li madwar 32% li vvutaw favur id-daqq tal-mużika fit-toroq tal-Belt sa kmieni filgħodu kienu zgħazagħ. Minkejja dan, anke fost iz-zgħazagħ hemm maġġoranza li ma qablux mal-legal notice.
Minn dan is-survey xjentifiku, jidher ukoll li 77% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ta’ Marzu li għadda, huma kontra mużika fit-toroq sas-1am, filwaqt li 48.6% ta’ dawk li vvutaw favur il-Partit Laburista, huma kontra din il-liġi.
Dan is-survey wera wkoll kif il-Gvern ta’ Robert Abela ma jimpurtahx mill-opinjoni tan-nies, wisq aktar ta’ dawk li jappoġjaw il-partit tiegħu stess.. Dan għaliex skont is-survey tal-‘Illum’, huma biss 26.7% tal-votanti laburisti li jaqblu ma’ din il-legal Notice. Dan filwaqt li kwazi kwart ta’ dawk li vvotaw PL, qalu li ma jafux jaqblux jew le.
Dan juri biċ-ċar li għalkemm din il-liġi kienet deċiżjoni assoluta min-naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela, l-appoġġ tal-votanti Laburisti huwa pjuttost dgħajjef f’dan ir-rigward, għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista li dejjem kien kontra din il-liġi insensittiva, u dejjem kien ta’ appoġġ għar-residenti Beltin li issa mhux se jitħallew jgħixu fil-paċi minħabba d-daqqa tal-mużika sas-1am, kif irid il-Gvern.