L-aħbar li preżentatur veteran twaqqaf, bla ebda konsultazzjoni, mill-Mexxej Labursta Robert Abela li jkompli l-programm tiegħu fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, qanqlet inkwiet u firdiet fil-Partit Laburista.
Saħansitra nħass il-bżonn li tingħata spjegazzjoni biex jiddefendi l-attakki li qed isiru u li għadhom għaddejjin fuq il-midja soċjali b’rabta mat-twaqqif ħesrem ta’ dan il-programm li kien jippreżenta Manwel Cuschieri fuq l-istazzjon Laburista.
F’dan il-battibekk li għaddej bejn esponenti tal-Partit Laburista fuq il-midja soċjali, tqajmet il-mistoqsija dwar ta’ min hu l-Partit Laburista u għalfejn isiru l-maratoni ta’ ġbir ta’ flus u l-kampanja ta’ ġbir flus għall-Partit Laburista.
Fost dawk li ma setax aktar jibqa’ sieket quddiem l-arroganza li d-deċiżjonijiet għall-Partit Lbaurista jittieħdu minn Kastilja, kien hemm Jason Micallef, li fuq il-midja soċjali ddefenda lilu nnifsu għall-attakki li qed isiru lill-istazzjoni tal-Partit Laburista li hu jmexxi, minbarra li jmexxi wkoll l-Aġenzija Kulturali fil-Belt Valletta.
Jason Micallef iddikjara b’mod mill-aktar ċar, li hu ma kellu x’jaqsam xejn mad-deċiżjoni li ttieħdet ukoll minn wara dahru u bla konsultazzjoni ma’ ħadd.
Hu qal eżatt dan il-kliem ta’ difiża għall-attakki li kienu qed isiru fil-konfront tiegħu mil-Laburisti stess:
“Fl-aħħar jiem qamet kontroversja, l-aktar fost mijiet ta’ semmiegħa ta’ ONE Radio, bis-sospensjoni tal-programm ‘Linja diretta’ ppreżentat minn Manwel Cuschieri.
“Kostrett niddikjara pubblikament, li ma kelli l-ebda sehem fid-deċiżjoni li l-programm ta’ Manwel Cuschieri jitwaqqaf ħesrem, u wisq anqas ġejt ikkonsultat b’din id-deċiżjoni. Il-programmi ta’ natura politika fuq ONE RADIO u ONE TV kienu minn dejjem, u għadhom sal-lum, deċiżjoni, u l-aħħar kelma tal-Partit Laburista, inkluż il-preżentaturi.
“Stqarrejt dan kollu, għax mhux ġust fil-konfront tiegħi, li niġi kkritikat bl-aħrax fuq deċiżjoni li ma kelli assolutament xejn x’naqsam magħha.”
Dan il-kliem fuq il-midja soċjali qajjem furur u qed ikunu sparati ħafna akkużi fil-konfront tal-Partit Laburista li ħafna qed isostnu li mhumiex jagħrfuh aktar, u li d-deċiżjonjiet li qed jittieħdu llum mill-Partit Laburista ta’ Robert Abela huma żbaljati.
Hu ċar daqs il-kristall, anke mill-kummenti fuq il-midja soċjali, li ċertu deċiżjonijiet qed jittieħdu minn Kastilja, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Robert Abela f’dak kollu li għandu x’jaqsam il-partit. Din hi kritika ċara u diretta lejn Robert Abela u l-Partit Laburista li hu jmexxi, hekk kif hemm diverġenzi kbar bejn it-tmexxija tal-Partit Laburista ta’ Robert Abela u l-partitarji Laburisti.
Iżda dan il-fattur ta’ inkwiet li Robert Abela mhu qed jikkonsulta ma’ ħadd, qed iqajjem għadd ta’ tħassib. In-nuqqas ta’ konsultazzjoni u l-arroganza li bih qed jiggverna Robert Abela qed iddejjaq anke lill-partitarji Laburisti.
Ma kkonsultax dwar il-ħatra ta’ Aġent President tar-Repubblika mal-President innifsu George Vella, ma kkonsultax mal-Oppożizzjoni fuq l-istess ħatra u fuq ħatriet oħrajn Kostituzzjonalli u fejn Robert Abela hu obbligat li jikkonsulta.
Robert Abela wkoll qed jinjora lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li sab ħatja lil 18-il membru tal-Kabinett tiegħu li abbużaw mill-finanzi pubbliċi qabel l-elezzjoni li għaddiet.
Ma kkonsultax lanqas mar-residenti tal-Belt Valletta fuq tibdil fil-ħinijiet tad-daqq tal-mużika fil-Belt biex estendihom kif ried hu u kif jinteressa lilu filwaqt li injora l-appellli u l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Belt Valletta ma tiġix ukoll Paceville iżda nżommu l-karatteristika tal-belt kapitali tagħna.
Mhu qed jikkonsulta lanqas ma’ ħadd dwar riformi li tant huma meħtieġa li jsiru fil-pajjiż bit-tama li titwettaq il-ġustizzja, pajjiżna jtejjeb ir-reputazzjoni tiegħu mal-barranin, kif ukoll mhux qed jikkonsulta mal-unions ewlenin u mal-istakeholders f’pajjiżna.
Qed jinjora wkoll l-għajta tal-għoli tal-ħajja li qed tkisser u toħnoq ħafna familji u pensjonanti.
Dak li bħalissa qed jiġri fil-kamp Laburista, hu mifrux fl-iggvernar ta’ pajjiżna fejn il-Prim Ministru Robert Abela qed jiddeċiedi b’arroganza u jkompli jimmanipula waħdu mingħajr ma jikkonsulta ma’ ħadd.