Il-kawża li rebaħ il-Partit Nazzjonalista fil-Qorti u li tikkundanna lill-Gvern għall-partiġjaniżmu sfaċċat tant li kiser diversi drittijiet fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista, tiftaħ it-triq għall-unika soluzzjoni li teżisti – ir-riforma tant meħtieġa fix-xandir tal-istazzjon nazzjonali – il-PBS.
Huwa l-istat innifsu li ħoloq l-iżbilanċ. Huwa l-Gvern Laburista li qiegħed jiddetta kull pass u kull manuvra fil-PBS. Dan għandu jieqaf. Dan għandu jitħalla jaħdem fil-libertà tal-istampa ħielsa u hu fl-obbligu li jassigura li tingħata ż-żewġ uċuħ tal-aħbar – dak li qed jgħid il-Gvern u l-vuċi tal-Oppożizzjoni biex il-pubbliku jkun infurmat biż-żewġ qniepen ħalli mbagħad jitħalla fil-libertà jagħmel il-ġudizzju tiegħu dwar kull kontroversja politika ta’ natura nazzjonali.
“Il-pluraliżmu huwa fattur importanti tal-jedd tal-espressjoni. L-istat mhux biss għandu l-obbligazzjoni negattiva li ma jindaħalx u ma joħnoqx id-dritt tal-espressjoni, imma saħansitra għandu wkoll obbligazzjoni pożittiva sabiex joħloq qafas leġiżlattiv u amministrattiv biex jiggarantixxi pluraliżmu effettiv sabiex id-dritt tal-espressjoni ma jiġix miksur anke minn persuni privati”, qal l-Imħallef Grazio Mercieca li kien qed jippresiedi l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali fil-kawża li l-Partit Nazzjonalista fetaħ kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir.
Il-Qorti kompliet li: “ Fejn l-Istat innifsu jwaqqaf servizz ta’ xandir pubbliku, partikolarment meta huwa l-parteċipant dominanti, l-Istat irid jassigura li jipprovdi lill-pubbliku b’informazzjoni imparzjali u preċiża u firxa ta’ opinjoni u kummenti li jirriflettu d-diversità tal-fehmiet politiċi fil-pajjiż.”
Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq u jappella lill-Gvern Laburista favur informazzjoni imparzjali għal dawn l-aħħar snin kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern. U issa hi l-Qorti li sabet lill-Awtorità tax-Xandir u lill-PBS ħatja bi żbilanċ serju u ksur tad-drittijiet tal-espressjoni tal-Partit Nazzjonalista.
F’kummenti lil Il-Mument, il-Kap tal-PN Bernard Grech saħaq li l-PN ilu aktar minn sena jitfa’ dawl fuq dan l-iżbilanċ fix-Xandir Pubbliku, tant li jum wara l-ieħor kien qed isegwi din ix-xejra ta’ aħbarijiet u stejjer li jsemmu biss lill-Gvern u lill-Partit Laburista. Dan wassal biex ftit kien qed jingħata spazju l-Kap tal-PN u l-ħidma tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Dan hu kontroll assolut minn Robert Abela u sħabu fil-Gvern Laburista fuq ix-Xandir Nazzjonali. Dan għandu l-iskop li jaġevola l-ħidma tal-Gvern u tal-Partit Laburista.
Kemm l-istituzzjoni tal-PBS kif ukoll dik tal-Awtorità tax-Xandir ma ħadmux kif għandhom jaħdmu u qed jaġevolaw lill-Gvern. Dan fid-dawl tal-fatt li l-istazzjon tal-Istat għandu l-akbar udjenza li tilħaq il-massimu tagħha fil-ħin tal-aħbarijiet.
“Il-Qorti taqbel li ż-żewġ elementi huma kunċettwalment differenti, iżda ma tistax tissottoskrivi għad-deduzzjoni li l-ksur tal-ewwel (il-kwistjoni tal-bilanċ fix-xandir) ma jsarrafx fil-ksur tat-tieni (it-tgawdija tad-drittijiet fundamentali li jibqgħu mhux mittiefsa) meta l-iżbilanċ joħolqu l-istat innifsu. Dan, il-Qorti mhix qed taffermah fuq l-awtorità tagħha nnifisha, imma fuq dik is-sentenza tal-Qorti Ewropea, li, kif diġà ngħad għarfu li meta l-Istat ikollu l-istazzjon tiegħu, l-iżbilanċ jikser id-dritt tal-espressjoni.”
Osservaturi li tkellmu ma’ Il-Mument b’rabta ma’ din is-sentenza tal-Qorti, sostnew li hu obbligu tal-Istat li ma joħloqx żbilanċ u ma joħnoqx l-għejun ta’ komunikazzjoni ta’ fehmiet differenti. Il-libertà tal-espressjoni ma tapplikax biss għall-kontenut imma wkoll għall-mezzi ta’ komunikazzjoni.
Hu tassew veritier li “the medium is the message” kif iddjarat il-Qorti fis-sentenza tagħha li tat kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir.
Fl-analiżi li saret dwar is-sentenza mogħtija mill-Qorti, ġiet trattata wkoll it-talba tal-PN fil-kawża li fetaħ kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir, id-dritt għar-right of reply.
“Jekk l-Istat għandu l-obbligu pożittiv, skont l-Art. 10 tal-Konvenzjoni, li joħloq il-qafas leġiżlattiv biex jingħata r-right of reply bejn persuna privata u oħra, iktar u iktar għandu dan l-obbligu meta r-right of reply ikun eżerċitat kontra l-Istat jew l-organi tiegħu.”
Għal dawn ir-raġunijiet kif espressi mill-Qorti, il-Partit Nazzjonalista ngħata d-dritt għar-right of reply u qalet li: “Il-PBS irid ixandar is-sentenza b’mod fidil iżda wkoll f’ħin prominenti fl-aħbarijiet tat-8pm fl-istazzjon televiżiv ta’ TVM mhux iktar tard minn tmint ijiem mid-data ta’ meta din is-sentenza tkun ingħatat,” qal l-Imħallef Mercieca fis-sentenza dettaljata tiegħu.
Ikkonkluda wkoll li: “M’hemmx dubju li l-iżbilanċ tax-xandir sarraf f’diskriminazzjoni politika b’detriment għar-rikorrent (il-PN). Id-diskriminazzjoni hi bejn il-Partit Laburista, li jinsab fil-Gvern, u l-Partit Nazzjonalista, li jinsab fl-Oppożizzjoni.
B’dak li seħħ fix-xhur li għaddew u b’mod partikolari qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, hemm kompliċità ċara bejn l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS, bl-Awtorità tax-Xandir kienet hi stess li ħalliet in-nuqqas għaddej u naqset milli twettaq dmirha.
Quddiem din is-sentenza, il-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jibqa’ wkoll ċass. Mill-paroli jrid jgħaddi għall-fatti. Ir-riforma li tant kien jitkellem dwarha qabel l-elezzjoni u fit-tellieqa għall-Mexxej Laburista, issa trid issib it-triq u d-direzzjoni tagħha. Ma jistax ikun aktar li l-Partit Laburista fil-Gvern jibqa’ jgħaddi romblu u jinjora wkoll il-Qorti.
Ir-rimedju effettiv mhux biss billi tixxandar u tingħata r-right of reply. Il-Gvern jaf li qed jabbuża. Il-Gvern Laburista jaf li qed joħnoq il-vuċi tal-Oppożizzjoni.
Il-Prim Ministru Robert Abela jrid jassigura li l-Gvern Laburista ma jibqax jikser il-liġi, id-drittijiet tal-libertà tal-istampa u jiddiskrimina. Irid jidħol f’diskussjoni mal-Oppożizzjoni biex tinstab verament it-triq ’il quddiem li tassigura vuċi għal kulħadd mill-istazzjon tal-Ìstat u b’Awtorità li tkun viġilanti fil-mod ta’ kif titwassal l-aħbar.