Sport Sport Ieħor

Erba’ atleti ta’ Team Noel b’impenji internazzjonali f’Sardegna u Rosolini

Erba’ atleti prominenti minn Team Noel bħalissa għaddejjin b’taħriġ intensiv bi preparazzjoni għal żewġ avvenimenti barra minn xtutna – The Night of Super Fight 8 u Evolution Fight. Dawn ser ikunu qed jittellgħu f’Sardegna u Rosolini rispettivament.

L-atleti Alex Horvath u Samuele Andolina se jieħdu sehem f’The Night of Super Fight 8, avveniment li se jsir il-Ħamis 21 ta’ Lulju. Horvath jittama li din id-darba jirnexxilu jirbaħ it-titlu Ewropew Pro/Am fil-K1 tal-World Kickboxing Network kontra Andrew Mascia. Dan wara li kien tilef bi ftit punti fil-ġlieda li kellu waqt il-25 edizzjoni ta’ Gladiators Fight Night f’Pembroke.

Andolina li hu atleta professjonali, mistenni jidħol fir-ring kontra Ovidio Opadiuc ta’ Team Satori f’konfront iebes fil-kategorija tat-58kg magħmul minn tliet rawnds ta’ tliet minuti.

Imbagħad fit-30 ta’ Lulju, Justin Pace u Jesred Piscopo se jikkompetu waqt l-avveniment Evolution Fight. Pace se jiġġieled fil-kategorija tas-57kg u se jħabbatha kontra Osama Latif minn Trinacria Team Muay Thai f’isem l-Italja fi ġlieda ta’ tliet rawnds ta’ żewġ minuti kull wieħed. Hu se jiġġieled fl-istil magħruf bħala Muay Thai, jew aħjar fejn hu permess daqqiet bl-irkoppa kif ukoll bil-minkeb.

Piscopo li fil-passat riċenti kiseb diversi suċċessi lokali u internazzjonali, jikkumbatti kontra t-Taljan Nicolas Novati f’taqbida taħraq ta’ tliet rawnds ta’ tliet minuti kull wieħed fil-kategorija tat-68kg.

L-atleti huma taħt il-gwida ta’ Master Noel Mercieca. Fl-ewwel ħsibijiet tiegħu, Mercieca qal li dawn l-atleti ilhom żmien twil jitħarrġu kontinwament biex jiksbu l-aqwa riżultati u fl-istess ħin jiksbu unur għal pajjiżna. Hu żied li kompetizzjonijiet ta’ dan il-livell jirrekjedu serjetà u preparamenti mentali u fiżiċi.