Lokali

Ħidma ta’ sagħtejn sabiex jinħareġ il-ħaddiem li nqabad f’bajla tal-kostruzzjoni

Ir-raġel li nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Lulju inqabad f’bajla tal-konkos f’sit ta’ kostruzzjoni fiż-Żurrieq, għadu fil-periklu tal-mewt.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ waranofsinhar f’impjant fi Triq il-Belt Valletta, iż-Żurrieq.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u minn informazzjoni li kiseb Net News, jidher li l-ħidma sabiex il-ħaddiem jinħareġ mill-makkinarju kienet waħda intensiva u damet madwar sagħtejn. Filfatt, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u l-infermieri kellhom jidħlu fil-makkinarju sabiex jassistu lill-ħaddiem sakemm irnexxielhom joħorġuh u jeħduh l-isptar Mater Dei għall-aktar kura.

Il-ħaddiem li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, qiegħed isofri minn grieħi serji hekk kif tilef sieq waħda u ġarrab ġrieħi fis-sieq l-oħra.