Internazzjonali

Il-Greċja: Mietu fit-tiġrif ta’ ajruplan mgħobbi bl-armamenti

L-awtoritajiet Griegi, fl-aħħar sigħat, għalqu kull aċċess għas-sit fejn ikkraxxja ajruplan tal-merkanzija li kien qed iġorr mal-11-il tunnellata ta’ armi, inklużi land mines.

It-tiġrif tal-ajruplan Antonov-12 seħħ viċin il-belt ta’ Kavala,  lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, fost rapporti li l-kunsinni tal-armamenti kienu destinati għal Bangladesh.

Din it-traġedja żvolġiet waqt titjira mis-Serbja lejn il-Ġordan u l-awtoritajiet ikkonfermaw li t-tmien persuni li kienu fuq l-ajruplan spiċċaw tilfu ħajjithom ‘f’balla nirien’ li ma ħalla kważi xejn mill-ajruplan.

Fl-aħħar sigħat ukoll intużaw id-drones bħala parti mill-investigazzjoni tat-tiġrif, bis-sit jibqa’ iddikjarat bħala perikoluż. Ir-rapporti qalu li l-Armata, flimkien mal-esperti tal-isplussivi u l-ħaddiema mal-Kummissjoni Griega għall-Enerġija Atomika ma kelluhomx javviċinaw is-sit qabel kellu jonqos sew il-livell tal-periklu fl-inħawi