Il-Ministru tad-Difiża tar-Russja, Sergei Shoigu, ħareġ direttivi biex il-qawwiet ta’ pajjiżu jirrankaw l-offensiva fl-Ukrajna filwaqt li spjega li dan qed isir biex l-Armata Ukrena ma tisparax aktar missili lejn iz-zoni tal-Ukrajna li waqgħu taħt il-kontroll tas-suldati tal-Kremlin.
Sadanittant, ir-Russja qed tkompli bil-‘bumbardamenti terroristiċi’ fuq iz-zoni ċivili tal-Ukrajna.
Fl-aħħar sigħat, l-inħawi ta’ Dnipro, fiċ-ċentru tal-Ukrajna, intlaqtu mill-balal u missili tar-Russja waqt li s-Sindku tal-belt, Borys Filatov, ħeġġeġ biex iċ-ċittadini jitilqu mill-inħawi ‘fejn is-sitwazzjoni saret wisq perikoluża għan-nisa, it-tfal u l-anzjani’. Dan ukoll wara li waslu fi Dnipro l-għexieren tal-Ukreni li qed jaħarbu mill-battalji intensivi li għaddejjin bħalissa fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna.
Il-missili li laqtu l-ibliet tal-Ukrajna fl-aħħar jiem kienu sparati mis-sottomarini tar-Russi fil-Baħar l-Iswed. Madankollu, il-missili li ħallew l-istraġi fi Dnipro, din id-darba, kienu tal-bombers li kienu qed itiru minn fuq il-Baħar Kaspjan.
Ma naqsux l-indikazzjonijiet li r-Russja qed iżżid l-attakki indiskriminattivi fuq iċ-ċivili Ukreni, fost rapporti dwar ħafna mejtin u midruba fi Dnipro wara li l-belt intlaqtet mill-missili cruise għal fuq id-distanzi kbar. Kienu anki rappurtati l-imwiet ġodda f’Nikopol, lejn in-nofsinar ta’ Dnipro, u li wkoll intlaqtet bil-missili tar-Russi.
Fi tmiem il-ġimgħa niżlu wkoll xita ta’ missili fuq l-inħawi ta’ Chuhuiv, qrib ta’ Kharkiv, u li wkoll ħallew diversi ċivili mejtin.
L-attakki fuq iċ-ċentri tal-ibliet fl-Ukrajna qegħdin jidhru konsistenti anki waqt li naqset l-offensiva tal-art mir-Russi fil-lvant tal-Ukrajna. Dan meta l-Ukreni għadhom f’luttu għall-bumbardamenti qattiela ta’ jiem ilu fuq l-inħawi ta’ Kremenchuk u Vinnytsia – bl-osservaturi barranin jaqblu li r-Russja mhix beħsiebha tnaqqas mill-azzjonijiet ‘terroristiċi’ fil-konfront tal-poplu tal-Ukrajna.
//= $special ?>

