Numru ta’ pajjiżi fil-Mediterran – fosthom l-Istati Ewropej ta’ Franza, Spanja, il-Kroazja u l-Greċja – qed jagħmlu l-almu biex irażżnu l-avvanzi tan-nirien kbar li qabdu f’diversi zoni u fejn qed ikunu xprunati minn mewġa ta’ sħana rekord.
Dan fost rapporti li Franza evakwat ‘il fuq minn 14,000 li kienu f’periklu dirett min-nirien qalb artijiet ta’ foresta, b’aktar nirien kbar jinfirxu anki fi Spanja u l-Greċja kif ukoll f’pajjiżi bħall-Marokk li l-kosta tagħhom tmiss mal-Mediterran.
Fi Franza, l-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Gironde – popolari ħafna mat-turisti – evakwaw il-gwardjani li kienu għassa mas-siti għall-kampijiet u wara li kienu telqu minn hemmhekk l-aħħar turisti. L-aħħar rapporti rreferew ukoll għan-nirien li kienu qed jinfirxu qalb iz-zoni ta’ Teste-de-Buch u Landiras.
Fin-nofsinar ta’ Spanja, ‘il fuq minn 3,200 ħarbu mill-għoljiet ta’ Mijas, għalkemm maż-żmien, numru minn dawn tħallew jirritornaw id-dar ladarba batta l-periklu.In-nirien imlaqqmin ‘Mijas’ fi Spanja mhumiex ‘il bogħod minn Malaga li wkoll hi famuża għat-turiżmu tas-sajf. Dan waqt li żbruffaw in-nirien ġodda qalb territorju aħrax fil-provinċji ta’ Castilla y León u Galicia.
U għalkemm in-nirien fil-Portugall, għalissa, qegħdin jidhru taħt kontroll, l-awtoritajiet Portugiżi kkonfermaw li ‘il fuq minn 250 ċittadin, fl-aħħar ġimgħa, mietu b’kaġun tas-sħana.
Madwar il-Mediterran – mill-Marokk ( lejn il-Punent) sa Kreta (lejn il-lvant) – eluf ta’ skwadri għat-tifi tan-nirien qegħdin jissieltu biex irażżnu n-nirien u fejn qed tintuża sistema magħrufa bħala waterbombing fejn l-ajruplani u l-ħelikopters qegħdin jitfgħu l-ilma u kimika intiża biex telimina l-impatt tal-fjammi.
Dan ir-reġjun kbir tal-Mediterran, fil-fatt, ilu l-jiem ibati minn sħana tisreġ, bil-heatwaves qed isiru aktar frekwenti u intensivi minħabba l-bidliet fil-klima
Fil-fatt, id-dinja diġà saħnet b’madwar 1.1 gradi Celsius mill-bidu tal-era industrijali u mistenni li t-temperaturi tas-sħana jibqgħu jitilgħu madwar id-dinja fix-xhur li ġejjin.
Fl-aħħar żviluppi, is-servizzi meteoroloġiċi fi Franza bassru li t-temperaturi fl-ibnadi tan-nofsinar kellhom jaqbżu l-41 gradi Celsius fl-aħħar sigħat u bl-awtoritajiet ibassru ‘aktar rekords tas-sħana’ bejn illum u l-Erbgħa.
Intant, is-sħana fil-Portugall, fl-aħħar jiem, laħqet il-livell rekord ta’ 47 gradi Celsius.
Fil-Marokk, l-awtoritajiet lokali ħarġu twissija dwar is-sħana fuq livell ta’ ‘amber’ u li jfisser li n-nies iridu joqgħodu attenti għall-heatwaves aktar intensiva mis-soltu u li jistgħu jkunu fatali għall-anzjani u l-vulnerabbli. L-awtoritajiet Marokkini, issa, ħarġu direttivi biex talanqas 1,500 ikunu evakwati miz-‘zoni l-ħomor’, filwaqt li żdiedu l-firefighters li qed jippruvaw jikkontrollaw in-nirien qalb foresta lejn in-naħa ta’ fuq tal-Marokk – bl-agħar provinċa milquta tkun dik ta’ Larache.
//= $special ?>

