Il-Prim Ministru tal-Italja, Mario Draghi, f’nofs il-ġimgħa d-dieħla, se jippreżenta ruħu quddiem il-Parlament ta’ pajjiżu biex jara jekk hu għandux futur fir-rwol ta’ Prim Ministru. Dan meta l-Italja qed tiffaċċja sfidi kbar biex toħroġ mill-problemi ekonomiċi relatati mal-pandemija tal-Covid.
Ir-riżenja, jiem ilu, ta’ Draghi – l-eks President tal-Bank Ċentrali Ewropew — ma kenitx aċċettata mill-President Taljan, Sergio Mattarella li għadu jemmen li Draghi (bħala Prim Ministru) jista’ isalva l-pajjiż mill-istabbilità tal-aħħar xhur.
Sadanittant, qatt ma kien hemm ċans li l-koalizzjoni fl-Italja, taħt it-tmexxija ta’ Draghi, setgħet tkompli fil-forma preżenti. Fil-fatt, Mario Draghi innifsu qal li l-kroll tal-koalizzjoni kellu jkun inevitabbli mingħajr il-preżenza tal-Partit populista Cinque Stelle tal-eks Prim Ministru Giuseppe Conte.
U l-kriżi politika fl-Italja ħadet spinta ladarba Conte baqa’ jiċħad pakkett ta’ għajnuna għall-familji u n-negozji tal-pajjiż. Dan ukoll meta Conte u l-alleati tiegħu ma’ Cinque Stelle mhumiex iħallu opportunità tgħaddi mingħajr ma jikkundannaw lil Mario Draghi dwar l-impatt tal-għoli tal-ħajja għall-poplu.
Cinque Stelle kien oriġinarjament l-akbar partit fil-koalizzjoni ta’ Draghi magħmul minn diversi entitajiet. Iżda fl-aħħar xhur diversi politiċi validi telqu minn mal-moviment, bil-koalizzjoni titlef dejjem aktar appoġġ.
L-indikazzjonijiet huma li l-Italja tkun taf sa nhar l-Erbgħa — jew kmieni l-Ħamis — jekk Draghi għandux ikompli fit-tmun tal-pajjiż meta hemm ukoll stennija għall-elezzjoni ġenerali li għandha ssir kmieni s-sena d-dieħla.
//= $special ?>

