Lokali

Monument li jfakkar il-vittmi tal-Covid

‘Lest We Forget’ huwa l-isem ta’ monument ġdid li ġie inawgurat is-Sibt filgħaxija f’Tas-Sliema mill-President ta’ Malta George Vella liema monument sar bl-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġerentoloġija u l-Ġerjatrija.

Din l-installazzjoni artistika, xogħol l-artist Wallace Falzon u l-arkitett David Zahra b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, tfakkar lil dawk il-persuni li esperjenzaw l-iżolament kaġun tal-pandemija tal-COVID u saħansitra tilfu ħajjithom kawża ta’ dan il-virus.

Dan il-monument jikkonsisti f’żewġ figuri tal-metall li jirrappreżentaw adoloxxenti u mara anzjana qegħdin imissu l-ponta ta’ subgħajhom flimkien… fejn is-sens tal-mess ifisser serħan pskoloġiku wara t-tmiem tal-iżolazzjoni li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID. Din l-installazzjoni tinkorpora wkoll ir-reżiljenza interġenerazzjonali, fejn iż-żgħażagħ u l-anzjani appoġġjaw lil xulxin matul dan il-perjodu diffiċli. Turi wkoll il-proċess tal-ħajja… mill-passat għall-futut… tifel żgħir li xi darba se jsir anzjan u l-anzjan li jħares lejn il-ħajja tal-passat f’għajnejn iż-żgħażagħ.

Fid-diskors tiegħu George Vella saħaq li l-Coronavirus kienet esperjenza kiefra għal kulħadd, b’mod speċjali għall-anzjani u għal dawk li jinsabu f’xi residenza jew rikoverati l-isptar.

Għalhekk huwa appella sabiex kull wieħed u waħda minna għandu jsib mezz ta’ kif isaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-ħajja tal-anzjani… fejn anke sempliċiment telefonata tagħmel differenza u biex nkunu sensittivi lejn dawk li qed iħossuhom weħidhom.

Il-President ta’ Malta għalaq id-diskors tiegħu billi għamel aċċenn favur l-għaqda u appella sabiex f’pajjiżna jkun hawn politika inklussiva għall-anzjani kollha.