Lokali

Żvelat il-pjan bizzilla li għamel il-Gvern sabiex jaġevola lil Sadeen

Żvelat il-pjan bizzilla li għamel il-Gvern sabiex jaġevola lil Sadeen għall-proġett tal-Universita Amerikana fil-Kottonera.

Ftehim li kien sar mit-tmexxija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat mas-sidien mal-AUM, tefa’ dawl fuq kif il-Gvern iffaċilità t-triq sabiex iseħħ dan id-deal.

Dokumenti li waslu għand il-gazzetta The Malta Independent on Sunday urew kif il-Gvern għamel minn kollox sabiex jgħin lil din l-Universita li kienet għaddejja minn żmien diffiċli. Dan hekk kif iffaċilitalha t-triq sabiex tikseb il-permessi meħtieġa kif ukoll bgħtilha l-istudenti sabiex jintlew il-postijiet vakanti.

Dawn id-dokumenti żvelaw ukoll li kienu għaddejjin taħdidiet dwar il-possibiltà li jsir użu mill-bini tar-Rialto f’Bormla li huwa propjetà tal-Partit Laburista.

Kastilja kienet ukoll qed tieħu ħsieb il-kritika li kienet qed taffaċċja din l-Universita fejn inkitbet ittra minn Kastilja stess sabiex tintuża f’każi ta’ attakki varji mill-media.

Korrispondenza li saret permezz ta’ email tefgħet dawl fuq il-ħbiberija li kien hemm bejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Adrian Hillman li kien tpoġġa fuq il-bord tad-Diretturi tal-AUM bħala rappreżentant tal-Gvern.

Ftehim li kien sar f’Ottubru tal-2015 juri li Kastilja kienet wegħdet lill-Università tal-Ġordaniżi li f’każ li ma japplikawx biżżejjed studenti, il-Gvern kien se jagħżel l-istudenti huwa stess sabiex jintlew il-postijiet vakanti. Liema ftehim kien iffirmat mill-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien Evarist Bartolo, mill-eks Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u mill-fundatur tal-AUM  Hani Salah.

It-tieni ftehim, li sar ukoll f’Ottubru tal-2015, din id-darba kien iffirmat mill-eks chief of staff f’Kastilja Keith Schembri u minn Hani Salah. Ftehim li kien wiegħed lill-Universita li jingħataw żona addizzjonali fiz-Zonqor.

It-tielet ftehim sar fi Frar tal-2016 u kien iffirmat mill-Ministru tal-Ekonomija ta’ dak iż-żmien Chris Cardona għal darb’oħra reġa’ wiegħed lill-AUM li kien se jgħinhom fl-inġagg tal-istudenti.

Frar 2018… tasal l-ewwel tbeżbiża… lecturer fl-istess Univerista bgħatet email lil Joseph Muscat dwar diversi nuqqasijiet li kienet qed taffaċċja l-istess Università. Fosthom li AUM kienet keċċiet numru ta’ ħaddiema mingħajr ma ngħatat ebda raġuni valida u mingħajr ma kienu jafu li l-impjjieg tagħhom kien jinsab f’riskju. Apparti dan din il-lecturer qalet li l-ambjent f’din l-Universita ma kienx wieħed sigur għall-istudenti, u tefgħet ukoll dawl fuq l-istat finanzjarju.  

F’Diċembru tal-istess sena jasal ir-rigal tal-Milied meta kien iffirmat ir-raba’ ftehim…  Dan hekk kif minkejja l-bidu diżastruż li kellha din l-Universita, il-Gvern xorta ried li jkompli jinvesti fiha u jgħinha.    

U quddiem ta’ kollu… wara dawn is-snin kollha u minkejja l-kritika li qed jirċievi…. il-Gvern xorta għadu għaddej bil-pjan tiegħu. Dan hekk kif ftit tal-jiem ilu, fil-Parlament, id-Deputati Laburisti vvutaw favur li l-Ġordaniżi jingħataw medda ta’ art fi Smart City, li tiswa €63 miljun… għall-valur ta’ €15,000 biss.