Internazzjonali

Hollywood: Jennifer Lopez u Ben Affleck jiżżewwġu f’Las Vegas

L-atturi rinomati Jennifer Lopez u Ben Affleck sa fl-aħħar iżżewwġu waqt ċerimonja li saret f’Las Vegas, fl-Istati Uniti – bl-aħbar taż-żwieġ jintlaqa’ b’entużjażmu kbir mid-dilettanti taċ-ċinema madwar id-dinja.

Lopez u Affleck kienu ltaqgħu għall-ewwel darba fuq is-sett tal-film Gigli u għalkemm taw l-engagement fl-2003 huma, sena wara, iddeċidew biex ma jkomplux jaraw lil xulxin minħabba l-attenzjoni eċċessiva tal-media li ma kenitx qed tħalli lil din il-koppja waħedha.

Lopez u Affleck fl-aħħar snin kellhom diversi relazzjonijiet ma’ nies oħra iżda huma, is-sena l-oħra, ingħaqdu mill-ġdid bħala koppja u fejn ma baqgħux lura milli jesprimu s-sentimenti għal xulxin permezz tal-media soċjali. Dan waqt li huma bagħtu r-ritratti u l-videos tal-vaganzi li huma qattgħu fil-kumpannija ta’ xulxin flimkien ma’ mumenti mal-familji rispettivi.

Dan hu r-raba’ żwieġ għal Jennifer Lopez li l-eks irġiel tagħha jinkludu lill-kantant Marc Anthony li miegħu damet mill-2004 sal-2014. Ben Affleck, qabel, kien miżżewweġ lill-attriċi Jennifer Garner għal tlettax-il sena u li magħha għandu tliet ulied.