Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, iddeċieda biex, għalissa, jissospendi lill-Kap tal-aġenzija sigrieta (SBU) tal-pajjiż u lill-Prosekutur Ġenerali mill-qadi ta’ dmirijiethom. Dan waqt li Zelensky irrefera għal ħafna każi ta’ tradiment fiż-żewġ organizzazzjonijiet ta’ importanza partikulari għall-Ukrajna.
Qed jingħad li nfetħu total ta’ 651 każ dwar tradiment u kollaborazzjoni mal-għadu fil-konfront tal-uffiċjali Ukreni għall-infurzar tal-liġi.
L-aktar akkuża serja ta’ Zelensky hi li ‘il fuq minn 60 eks impjegat mal-organizzazzjonijiet inkwistjoni , illum, qegħdin jaħdmu kontra l-interessi tal-Ukrajna fiz-zoni Ukreni li huma okkupati mill-qawwiet tar-Russja.
Ivan Bakanov, li kien qed imexxi lis-servizzi sigrieti tal-Ukrajna u l-Prosekutur Ġenerali, Iryna Venediktova, it-tnejn ma kkummentawx dwar is-sospensjonijiet.
Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky qal li ‘il-katalgu ta’ reati kontra s-sigurtà tal-Istat ( tal-Ukrajna) jeħtieġu tweġibiet urġenti mingħand il-kapijiet relevanti (f’dan il-każ il-Kap tal-SBU u Venediktova)’. Jidher, fl-istess ħin, li l-mijiet tal-uffiċjali tas-sigurtà li qed ikunu mixlija dwar tradiment ma tkeċċewx minn mas-servizz iżda ‘twaqqfu minn xogħolhom’ waqt li għaddejja investigazzjoni.
Din l-investigazzjoni għandha tiżvela jekk il-ħaddiema, fosthom uffiċjali, tal-SBU ikkooperawx mal-qawwiet Russi li ilhom xhur għaddejjin bi gwerra kontra l-poplu tal-Ukrajna. Is-sospensjoni ta’ Bakanov u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kienet anki kkonfermata biex il-kapijiet rispettivi ma jkollhom l-ebda influwenza fuq il-proċeduri kriminali li għaddejjin bħalissa.
It-tneħħija ta’ Bakanov — ħabib ta’ Zelensky minn tfulitu — segwiet l-arrest ta’ Oleh Kulinych, eks kap reġjonali tal-istess SBU, fil-Krimea, li ilha parti tar-Russja mill-2014. Dan meta Kulinych hu suspettat bħala traditur ta’ pajjiżu.
Fil-verità, il-Gvern Ukren ilu jinkwieta li r-Russja rnexxielha tuża l-aġenti tagħha biex jinfiltraw is-servizzi sigrieti u istituzzjonijiet oħra tal-Ukrajna. U l-President Zelensky, illum, qed jinsisti li jiġbed l-attenzjoni għal din it-theddida diretta kontra l-SBU u l-Uffiċċju tal-Prosekutur fi Kiev.
Filwaqt li mhemmx suġġeriment li Bakanov u Venediktova ittradew lil pajjiżhom, huma kienu qed imexxu organizzazzjonijiet li jinkludu numru ‘sinifikanti’ ta’ tradituri – bis-sospensjoni tirrifletti l-fatt li l-organizzazzjonijiet x’aktarx li qed jinkludu aġenti li jixtiequ jġibu lill-Ukrajna għar-rkubbtejha.
//= $special ?>

