F’ittri mibgħuta separatament mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, il-Partit Nazzjonalista fakkar lill-Awtorità tax-Xandir u lill-Istazzjon Pubbliku fl-obbligi tagħhom, anke fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali l-ġimgħa li għaddiet.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif minkejja l-konoxxenza ta’ dak li kien għaddej, kien qiegħed jistenna s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar l-ilmenti tagħha fuq l-istat ta’ rappurtaġġ żbilanċjat tal-istazzjon pubbliku. Din is-sentenza issa waslet u kien ikkonfermat dak li kien ilu jsostni l-Partit Nazzjonalista. Għalhekk issa għandu jkun hemm interventi pro-attivi mill-Awtorità tax-Xandir minnufih u bla dewmien, għaliex kif iddikjarat l-istess Qorti, id-dewmien joħnoq ir-rimedju effettiv.
Mal-Public Broadcasting Services, il-Partit Nazzjonalista lmenta kif ir-rappurtaġġ tal-aħbarijiet ta’ TVM dwar is-sentenza tal-Qorti u anke r-reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, kien rappurtaġġ li jagħti l-impressjoni li l-Qorti iddeċidiet li ma kien hemm l-ebda ħtija min-naħa tal-PBS u l-Awtorità tax-Xandir fuq żbilanċ, nuqqas ta’ imparzjalità jew nuqqas ta’ ħarsien tad-Drittijiet Fundamentali tal-Partit Nazzjonalista, meta l-verità ma setgħetx kienet iktar opposta.
//= $special ?>