Kultura Lokali

It-Teatru Manoel itella’ l-ewwel musical prodott minnu stess

Il-produzzjoni mużikali ‘Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street‘ hija l-ewwel musical li se tkun qed titella’ fit-Teatru Manoel bi produzzjoni tat-Teatru nnifsu.

Din il-musical se jkun qed isir bejn is-17 u t-22 ta’ Lulju fit-8 ta’ filgħaxija, umbagħad is-Sibt 23 ta’ Lulju, ser ikun hemm żewġ prestazzjonijiet, waħda fit-3 ta’ wara nofsinhar u l-oħra fit-8 ta’ filgħaxija.

Il-produzzjoni mużikali ‘Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street‘ hija bbażat fuq id-dramm ta’ Christopher Bond li ttella’ l-ewwel darba fl-1973, bil-mużika u l-lirika ta’ Stephen Sondheim, il-kompożitur leġġendarju tal-ispettaklu li miet lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.

F’din il-musical b’direzzjoni ta’ Lucienne Camilleri, ser naraw uħud mill-aqwa atturi Maltin, fosthom Roger Tirazona li ser ikun qed jinterpreta il-karattru prinċipali ta’ Sweeney Todd, flimkien ma’ Kateriana Fenech li ser tkun qed tinterpreta il-karattru ta’ Mrs Lovett. Apparti dawn, ser jieħdu sehem ukoll Stephen Oliver, Jasmine Farrugia, Ryan Grech, Gianluca Cilia, Noel Zarb, Stefania Grech Vella u Karl Bartolo.

Id-direzzjoni Mużikali ta’ din il-produzzjoni se tkun qed titmexxa minn Ryan Paul Abela, b’ritratti u filmat ta’ Neil Grech.