Internazzjonali

Italja: Jiżdiedu l-appelli ta’ persuni influwenti biex Mario Draghi ikompli bħala Prim Ministru

Żdied il-kor tal-ilħna influwenti li jridu li Mario Draghi ikompli bħala Prim Ministru tal-Italja. Dan meta aktar kapijiet fis-setturi importanti jaqblu li  Draghi għandu jkompli jikkonfronta l-impenji importanti għall-pajjiż li qed jipprova jistejqer mill-impatt tal-pandemija.

Wara li l-President Taljan, Sergio Mattarella, jiem ilu, irrifjuta r-riżenja ta’ Draghi, id-dekani tal-universitajiet fl-Italja saru l-aħħar personalitajiet distinti li insistew biex Mario Draghi ikompli jmexxi l-pajjiż sakemm il-poplu, is-sena d-dieħla, jivvota fl-elezzjonijiet ġenerali.

Kollox, intant, għadu jindika li l-poplu Taljan se jkun jaf nhar l-Erbgħa, jekk Draghi jibqax fit-tmexxija tal-koalizzjoni f’Ruma. Dan waqt li l-esperti politiċi lokali qed isostnu li l-Italja ma taffordjax li tgħaddi minn jiem konsekuttivi ta’ kriżi politika fi żmenijiet daqstant delikati għall-ekonomija.

Mario Draghi, il-ġimgħa l-oħra, kien ippreżenta r-riżenja minn Prim Ministru wara li l-Moviment Cinque Stelle, li hu parti integrali tal-koalizzjoni, irrifjuta li jappoġġja lill-Gvern waqt vot ta’ fiduċja.

Iżda l-President Mattarella bl-ebda mod ma ried jaċċetta r-riżenja ta’ Draghi u stieden lill-Prim Ministru biex, ‘il quddiem, jirrapporta lill-Parlament u janalizza s-sitwazzjoni politika flimkien mad-deputati f’Ruma.

Sadanittant, aktar deputati qed jidhru favur li l-Italja tkompli taħt it-tmexxija ta’ Mattarella. Dan waqt li xi membri tal-Gvern anki jippreferixxu li l-Moviment Cinque Stelle ma jiffurmax aktar parti mill-Gvern Taljan ‘minħabba t-tfixkil għall-amministrazzjoni’.

Fl-aħħar sigħat, Ferruccio Resta, bħala l-Kap tal-Politecnico di Milano u President tal-Konferenza tad-Dekani tal-Universitajiet fl-Italja – f’isem id-dekani – esprima fiduċja fi Draghi bħala ‘mexxej li jipprovdi liż-żgħażagħ b’eżempju ta’ tmexxija tajba’.

Il-pronostiku anki qed jidher favorevoli għal Draghi wara li ‘il fuq minn 1,000 sindku iffirmaw appell biex hu jkompli bħala Prim Ministru.

Minbarra dawn, il-kapijiet fis-settur kummerċjali u l-umbrella groups li jirrappreżentaw lill-assoċjazzjonijiet voluntiera tal-Italja wkoll sejħu biex Draghi, eks President tal-Bank Ċentrali Ewropew, jibqa’ fit-tmun tal-pajjiż sal-ewwel xhur tal-2023.