Lokali Qorti

Iwieġeb mhux ħati li seraq minn żewġ stabbilimenti u minn fuq bajja

Raġel ta’ 29 sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi li nhar id-19 ta’ Ġunju, 2022, mill-bajja tar-Ramla l-Ħamra, limiti tax-Xagħra, Għawdex, kif ukoll minn żewġ stabbilimenti fi Triq il-Port, Marsalforn, Għawdex, seraq żewġ mobiles, flus kontanti, dokumenti, basktijiet u diversi oġġetti oħra.

Ir-raġel, Libjan residenti ż-Żebbuġ, Għawdex tressaq mill-Pulizija b’arrest fil-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana.

Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja imposti fuqu mill-Qorti u li renda ruħhu reċediv.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet. Però huwa ma ħallasx id-depożitu tal-libertà proviżorja u għalhekk inżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Josef Gauci u Bernard Charles Spiteri.