Lokali Qorti

Jammetti li ħebb għal nanntu għax ried il-flus għad-droga

Raġel ta’ 32 sena minn Ħal Qormi, li għandu problema akuta ta’ droga ammetta li matul il-lejl tal-Ħadd u fis-sigħat bikrin tat-Tnejn fil-ħinijiet ta’ bejn id-9pm u t-3am. f’Ħal Qormi stess uża vjolenza, inkluż dik morali għax bilfors ried il-flus mingħand nanntu għad-droga.

Ir-raġel li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-anzjana kien ripetutament jitlobha l-flus għad-droga. L-Avukat tiegħu Noel Bianco qal li huwa minnu li huwa jabbuża mid-droga cannabis, anke jekk dan l-aħħar naqqas minn dan l-abbuż.

Dr. Bianco qal ukoll li għandu problema ta’ ‘anger mamnagement’ li jrid jiġi ndirizzat. Ir-raġel ammetta wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq in-nanna tiegħu, li nġurjaha, heddidha u li ħareġ il-barra mill-limiti tal-provokazzjoni. Reat ieħor li ammetta dwaru kien li għamel ħsara lil nanntu li tammonta għal mill-anqas 2,500 ewro.

Kienet milqugħa wkoll talba għal ordni ta’ protezzjoni u sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-anzjana. Il-Qorti qalet li se tgħaddi għas-sentenza fl-1 ta’ Awwissu li ġej fejn il-ħati se jibqa’ l-ħabs sa sak inhar. Kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża qalu li r-raġel għandu bżonn l-għajnuna minħabba li huwa kien mixli li huwa reċidiv minħabba li din ma kinitx l-ewwel darba li kiser difrejh mal-ġustizzja. Għaldaqstant ma jkunx utli li joħroġ mill-ħabs u jerġa’ jispiċċa jwettaq reat. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar filwaqt li l-Avukat Noel Bianco deher għall-ħati.