Lokali Qorti

Jammetti li kkommetta reat sesswali fil-konfront ta’ Franċiża fuq tal-Linja

Turista Franċiża stqarret mal-Pulizija l-esperjenza xejn feliċi li għaddiet minnha fuq tal-Linja meta raġel Somalu għamel atti oxxeni fil-konfront tagħha. Dan meta wettaq atti ta’ masturbazzjoni u spiċċa wkoll biex saħansitra eġakola. Il-każ seħħ fuq il-karozza tal-linja numru 14 li mill-Belt kienet sejra fid-direzzjoni ta’ San Ġiljan.

Il-karozza kienet ippakkjati bil-passiġġieri fejn il-vittma u r-raġel kienu bil-wiefqa viċin xulxin, bit-tfajla kif tinżel minn fuq tal-Linja tmur mill-ewwel tagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija. Is-Somalu ta’ 36 sena, residenti Birkirkara u li qal li jaħdem fil-kostruzzjoni ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta tal-10pm. kkommetta reat ta’ natura sesswali fil-konfront tat-tfajla Franċiża.

Mohammed Mahmud Dirie ammetta li kkommetta reat mingħajr il-kunsens tat-tfajla u li offenda l-pudur u l-morali tagħha, li l-egħmil tiegħu sar f’lok espost għall-pubbliku, jiġifieri fuq it-Trasport Pubbliku. L-Ispettur Saviour Baldacchino qal li huwa ssoġġetta lit-tfajla għal att ta’ intimità fiżika, bl-imġiba tal-Somalu jkollha konotazzjonijiet sesswali, bl-aġir tiegħu jkun offensiv, umiljanti u degradanti.

Fuq il-piena l-Ispettur Saviour Baldacchino qal li huwa kien se joqgħod fuq dak li tiddeċiedi l-Qorti. L-Avukat Yanika Bugeja, li dehret għas-Somalu qalet li l-Qorti għandha tikkonsidra l-fatt li huwa  ammetta fi proċeduri bikrija u li kkopera mal-Pulizija u talbet li tingħata sentenza sospiża fil-konfront tal-ħati.

Peress li s-sentenza se tingħata fl-1 ta’ Awwissu, saret talba għall-pleġġ liema talba ġiet aċċettata mill-Qorti fuq garanzija personali ta’ 5,000 ewro u li jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara. Il-Qorti wissiet lil Dirie bl-implikazzjonijiet jekk jikser xi kundizzjoni mogħtija mill-Qorti.