Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Toni Abela ordnat lil Transport Malta u lill-Kunsill Lokali tal-Belt biex bejniethom iħallsu kumpens ta’ €15,689 lil mara li weġġgħet wara li waqgħet fi triq tal-Belt kapitali u sofriet minn ġrieħi f’saqajha u li sal-lum għada qed tbati mill-konsegwenzi.
Il-mara, li għandha 51 sena, kienet bdiet proċeduri legali kontra Transport Malta u l-Kunsill tal-Belt Valletta li fil-25 ta’ April 2017 kienet miexja fi Triq San Ġwann kantuniera ta’ Triq l-Ifran. Konsegwenza tad-diżlivell fit-triq hija waqgħet u weġġgħet l-għaksa l-leminija fejn ittieħdet l-isptar Mater Dei.
Hija damet rikoverata l-isptar għal ħamest ijiem u wara f’perjodu ta’ konvalexxenza damet erba’ xhur id-dar u sal-lum għadha tbati biex timxi. Il-mara qalet li l-inċident seħħ minħabba l-istat diżastruż tat-triq u li minħabba l-inċident nefqet madwar €700 fi żjarat għand tobba u fiżjoterapisti.
Il-Kunsill tal-Belt sostna li huwa ma kienx responsabbli għall-inċident peress li ż-żona fejn seħħ l-inċident kienet irranġata minn Transport Malta waqt li din qalet li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija ma taqax taħtha nWara li sema’ liż-żewġ naħat u anke lill-perit inkarigat mix-xogħol li kien sar, l-Imħallef Abela qal li mhux possibbli li la Transport Malta u lanqas il-Kunsill tal-Belt m’għandu jwieġeb għas-sofferenzi tal-mara.
L-Imħallef saħaq li f’ebda ħin mal-partijiet ippruvaw jeżonoraw lilhom infushom mill-allegazzjoni li m’humiex responsabbli tal-inċident, jiġifieri li dak li sostniet il-vittma ma kienx minnu u għalhekk żamm lit-tnejn li huma responsabbli għall-inċident. Dwar l-ammont tal-kumpens l-Imħallef Toni Abela qies, fost affarijiet oħra, li l-mara kellha 46 sena meta seħħ l-inċident u sofriet diżabilità permanenti ta’ 7%.
//= $special ?>