L-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna, tard it-Tnejn filgħaxija se jħalli Malta għal Lourdes fejn se jkun qed imexxi d-90-il-pellegrinaġġ tal-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes.
F’dan il-pellegrinaġġ se jkunu qed jieħdu sehem madwar 150 persuna, fosthom morda, persuni b’diżabbilà, tobba, infermiera, carers u voluntiera lajċi. It-tobba, l-infermiera, il-carers u l-voluntiera se jkunu qed jagħtu ħinhom lill-pazjenti biex jassigurawhom minn esperjenza komda u sigura kemm idumu Lourdes. Dawn se jkunu qed jagħmlu dan bi spejjeż tagħhom.
Qabel ma ħallew Malta, l-Arċisqof Scicluna u Dun Joseph Mizzi, id-Direttur Spiritwali tal-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes, kienu ppreżentati bil-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar: Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi, ta’ Michael Caruana. Il-preżentazzjoni tal-ktieb lill-Arċisqof saret mill-awtur stess (ritratt) filwaqt li l-kotba lid-Direttur Spiritwali tal-Għaqda saret mis-Sur Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi. Dawn il-kotba se jitqassmu b’xejn lil uħud mill-voluntiera.
Kemm idumu Lourdes il-grupp se jattendi għal diversi ċelebrazzjonijiet liturġiċi fosthom għall-Quddiesa bil-Malti fl-Għar fejn dehret il-Madonna mmexxija mill-Arċisqof Scicluna.
Aktar qabel, Michael Caruana ppreżenta kopji tal-ktieb tiegħu Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar: Ġabra ta’ tagħrifu esperjenzi lill-Kardinal Mario Grech, lill-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u lill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li kiteb waħda mid-daħliet tal-ktieb.
//= $special ?>