Raġel ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar u li joqgħod il-Gżira baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li sawwat u kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-ġenituri tiegħu minħabba li mingħandhom ikun irid il-flus għad-droga. Allegatament meta dawn ma jagħtuhx il-flus huwa jispiċċa jheddidhom u jaggredihom.
L-Ispettur Eman Hayman qal lill-qorti li huwa ġie nfurmat li fil-lejl ta’ bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda il-ġenituri tal-akkużat għaddew minn perjodu iebes peress li binhom kien ta’ kuljum qed jitlobhom il-flus ,u li jekk jonqsu milli jissodisfaw ix-xewqat tiegħu, jispiċċa jgħajjarhom, ikisser l-affarijiet tagħhom u jiġġieled magħhom.
L-Ispettur Hayman qal li l-ġenituri li għamlu r-rapport qalulu li għal bidu binhom kien jitlobhom €20 jew €30, imma dan l-aħħar it-talba telgħet bejn €100 u €200. L-Ispettur qal li ġew f’sitwazzjoni ma jriduhx id-dar. L-aħħar darba huwa ma iħabbat u jgħajjat fid-dar tal-ġenituri tiegħu u qalilhom li kellu l-ġuh.
Ommu fetħiltu biex titimgħu, iżda wara reġa’ beda t-theddid, bil-ġentirui tiegħu jisfaw midruba bi ġreħi ħfief. Dan meta missieru kellu l-mobile f’idejh u ġie aggredit u lil ommu weġġagħha meta beda jiġbdilha l- handbag. L-Ispettur qal l-akkużat ġie arrestat u li waqt li kien il-‘lock up’ beda jirremmetti u ingħata pilloli għal uġiegħ fejn deher li kien muġugħ sew u spiċċa l-isptar u għalhekk ingħata l-‘police bail’, sal-ġurnata tat-Tnejn.
Malli ngħata il-police bail, qabad u telaq mill-isptar u l-uġiegħ donnu sparixxa. Minflok mar id-depot it-Tnejn filgħodu kif kien ordnat li jagħmel, spiċċa reġa’ mar għand il-ġenituri tiegħu u spiċċa arrestat. ir-raġel li qal lill-Qorti li ma jaħdmix qabad jeċità ruħu kif l-Avukat tal-għajnuna legali Yanika Bugeja, qalet li f’dan l-istadju ma kinitx se titlob għall-pleġġ.
Huwa qal li għandu indirizz ieħor fejn joqgħod u kien lest li jagħtih lill-Qorti, bl-avukat tgħid li din ma kinitx l-unika raġuni li ma kinitx se ssir it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Hawn ġie deċiż ukoll bejn il-partijiet biex jiġi rakomnadat lid-Direttur tal-ħabs biex l-akkużat, li wieġeb mhux ħati, jingħata l-attenzjoni u l-għajnuna kollha għall-problema li għandu għall-vizzju tad-droga.
L-Ispettur Hayma xela lir-raġel li ismu mhux jixxandar biex tkun protetta l-identità tal-ġenituri tiegħu, li nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Lulju li għadda għall-ħabta tad-9pm u fix-xhud ta’ qabel, iżda mhux qabel it-30 ta’ April 2022 fil-Gżira u nħawi oħra kkommetta vjolenza morali u psikoloġika fil-konfront tal-ġenituri tiegħu.
Dan bil-ħsieb li jillimita jew jiżola l-aċċess għall-flus fil-konfront tagħhom u li twettqet vjolenza waqt dan l-aġir. Huwa ġie mixli wkoll li nhar il-Ġimgħa bejn it-8pm u d-9pm. fil-Gżira, kkaġuna offiża ħafifa fuq missieru u fuq ommu. Ġie mixli wkoll li għamel ħsara ta’ mill-anqas €250 għad-dannu ta’ missieru, inġurja lill-ġenituri tiegħu, li hedddidhom b’tali mod li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni. Il-Qorti kienet mitluba biex tipprovdi għas-sigurtà tal-allegati vittmi u għall-familjar tagħhom f’każ ta’ ħtija.
//= $special ?>