Il-poplu fir-Renju Unit qed ibati l-effetti tal-‘aktar jum sħun’ fil-pajjiż kemm ilhom jinżammu r-rekords. L-impatt tas-sħana kien tant li l-ferroviji ma baqgħux jaħdmu waqt li l-awtoritajiet fl-isptarijiet spiċċaw iħassru l-appuntamenti għall-pazjenti. Dan ukoll waqt li l-iskejjel ma fetħux, bl-awtoritajiet f’diversi bnadi tal-pajjiż iwissu li l-impatt tas-sħana għandha tkun ‘fatali’ anki għan-nies b’saħħithom.
It-temperaturi, fl-aħħar sigħat, kienu qed javviċinaw id-39 gradi Celsius li hu rekord assolut, waqt li l-belt ta’ Cambridge kienet indikata bħala l-hotspot għal din il-mewġa ta’ sħana terribbli. Intant, it-temperaturi fil-kapitali Londra kienu ‘telgħin ‘il fuq sew minn 34 gradi Celsius’, bl-esperti jsostnu li s-sħana fir-Renju Unit ‘hi ta’ livell jerġa’ ogħla mis-sitwazzjoni qalb id-deżert tas-Sahara’.
Iċ-ċittadini vulnerabbli – flimkien mal-pazjenti li jeħtieġu l-kura mill-isptar – qed ikunu mwissija biex jibqgħu f’darhom ħlief għal emerġenzi assoluti.
Fl-istess ħin, il-Kap Eżekuttiv tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, Penny Endersby, ikkonfermat ‘l-aktar jhum jisreġ fl-istorja tar-Renju Unit’ fost stennija li l-pajjiż, fis-sigħat li ġejjin, jgħaddi anki minn temperaturi b’massimu ta’ 43 gradi Celsius.
Sadanittant, it-temperaturi għoljin anki qed jolqtu lil diversi pajjiżi Ewropej fost il-konferma ta’ eluf tal-mwiet – tant li fi Spanja u l-Portugall, fl-aħħar jiem biss, kienu rreġistrati ‘il fuq minn 1000 mewta attribwiti direttament lis-sħana.
L-awtoritajiet fi Franza qed jirreferu għas-sħana li qed taħkem fi 15-il reġjun tal-pajjiż bħala ‘xenarju tal-apokalissi’ — u meta nirien kbar dovuti għas-sħana, sallum, qerdu zoni enormi fi Franza, Spanja, il-Portugall, il-Greċja, u t-Turkija.
Anki l-Italja rreġistrat temperaturi għoljin li qed iqarrbu s-37 u t-38 gradi Celsius, bl-awtoritajiet lokali – l-istess bħall-awtoritajiet fi Stati oħra tal-Ewropa – qegħdin iwissu kontinwament lill-pubbliku biex jieħu l-prekawzjonijiet kollha bil-għan li jikkumbattu bl-aħjar mod l-effetti tas-sħana.
//= $special ?>

