Il-bandiera ta’ Malta fl-Ewropa
Wieħed iħoss sodisfazzjon u kburija meta jkun Brusssell u jersaq qrib il-bini ċentrali tal-Unjoni Ewropea. Hemmhekk josserva l-bandiera ta’ Malta tperper fost dawk tal-pajjiżi membri. Jirrealizza li minkejja d-daqs ġeografiku, pajjiżna jgawdi ugwaljanza ma’ kull pajjiż ieħor imsieħeb. Iżda sabiħa kemm hi sabiħa dik id-dehra, dejjem tibqa’ waħda simbolika.
Minn nofs Jannar li għadda, iżda, is-sitwazzjoni nbidlet bil-kbir għaliex barra l-bandiera tad-drapp tperper fi Brussell, issa għandna xi ħadd minna, minn fostna, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta u tal-UE li qed tmexxi istituzzjoni Ewropea li tifrex fuq 27 pajjiż u b’rappreżentanti tagħhom kollha.
Għaddew sitt xhur
Ovvjament qed nirreferu għal ROBERTA METSOLA u l-kariga li qed tokkupa bħala President tal-Parlament Ewropew. Diġà għaddew sitt xhur mindu fit-18 ta’ Jannar li għadda kienet eletta b’numru rekord ta’ voti u b’kunsens wiesa’ fost formazzjonijiet politiċi differenti li, fil-verità, mhux dejjem kienu jaslu faċilment għal kompromess.
Sitt xhur biss, iżda diġà seħħew ġrajjiet li, ftit ftit, qed jagħmlu l-Parlament Ewropew rilevanti aktar minn qatt qabel.
Titjib fl-immaġini
Id-dinamiżmu tal-President Metsola flimkien mal-ħidma ma taqta’ xejn qed jagħtu spinta ġdida lil din l-istituzzjoni u fl-istess ħin, lill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-kunsens wiesa’ lejn it-tmexxija tagħha qed jinħass ħafna.
Biżżejjed wieħed jinnota l-istanding ovations li tingħata kull fejn twassal il-messaġġ tal-Parlament Ewropew. Bħalma ġara fl-istess Parlament Ewropew meta rrappurtat dwar iż-żjara storika tagħha fl-Ukrajna, fil-Parlament Ukren, u fil-Parlament Iżraeljan.
Kuraġġ u rieda soda
U la qed insemmu ż-żjara fl-Ukrajna ma tistax ma tiftakarx li dakinhar il-President Metsola kienet l-ewwel persunaġġ Ewropew li fost l-eqqel tal-gwerra marret biex issostni lill-President Zelensky u lill-poplu qalbieni tiegħu.
Dik ma kinetx xi gimmick għal xi gwadann politiku, tant hu hekk li hi baqgħet issostni u xxerred il-ħtieġa l-Ukrajna jeħtiġilha għajnuna kbira f’waqtha f’kull fejn marret minn dakinhar sal-lum.
Roberta Metsola u l-Maltin
L-elezzjoni ta’ Roberta Metsola f’din il-kariga laqtet ukoll l-immaġinazzjoni ta’ kotra kbira ta’ Maltin. Dan ħareġ ċar ħafna fl-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika mniedi mill-Eurobarometer.
- Kemm ilha tmexxi l-Parlament Ewropew, il-fiduċja tal-Maltin fil-Parlament Ewropew żdiedet ħafna u telgħet għal 62%.
- Il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea min-naħa tal-Maltin żdiedet bi 12%.
- 80% tal-Maltin illum isostnu li l-UE hi importanti għal pajjiżhom… żieda ta’ 16%.
Nawgurawlha u nifirħulha
Filwaqt li nifirħu lil Roberta Metsola għal dak li kisbet fl-ewwel sitt xhur tal-ħatra tagħha, nawgurawlha aktar ħidma sfiqa fit-tmexxija tal-Parlament Ewropew għaliex filwaqt li qed tagħmel biċċa xogħol stupenda għall-Unjoni Ewropea, qed jirnexxilha tgħolli isem pajjiżna u taqilgħu mill-abbiss li ħaddieħor kien tefgħu fih.
Fil-ħarġa ta’ għada IN-NAZZJON se jiddedika servizz speċjali mħejji minn Victor Camilleri fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju
