Internazzjonali

Vatikan: Il-Papa Franġisku jwissi dwar l-issues tal-etika fil-media soċjali

Il-Papa Franġisku, waqt diskors, wissa dwar il-perikli tal-informazzjoni qarrieqa li kapaċi tixpruna l-espressjonijiet ta’ mibgħeda fuq skala allarmanti  minbarra li twassal għal sitwazzjonijiet li ma jagħmlu ġid lil ħadd.

Il-Papa kien qed iwassal messaġġ lin-network tal-komunikazzjonijiet tal-lajċi Signis li x-xahar id-dieħel għandu jorganizza l-Kungress Dinji f’Seoul, il-kapitali tal-Korea t’Isfel.

Hu qal li filwaqt li l-mezzi moderni għall-komunikazzjoni kapaċi jkattru d-djalogu fost is-setturi tal-umanità, l-istess mezzi kapaċi jservu anki bħala strument għall-intolleranza u l-hate speech fuq temiet razzisti

Il-Papa qal li hu xieraq li f’dawn iż-żmenijiet karatterizzati mill-vjolenza u l-aggressjoni, it-tema tal-Kungress Dinji f’Seoul għandha tibbaża fuq il-paċi fid-Dinja Diġitali.

Il-Kap tal-Kattoliċi, fl-istess ħin, qal li s-Signis kapaċi taqdi rwol importanti biex l-użu tal-media soċjali u diġitali jindirizza kif suppost l-issues serji tal-etika li jinkwadraw b’importanza fir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin.

Għaldaqstant, il-Papa qed iħeġġeġ biex in-nies responsabbli mill-media soċjali jgħinu lin-nies jiddistingwu bejn il-verità u l-informazzjoni qarrieqa kif ukoll bejn it-tajjeb u l-ħażin. Dan waqt li l-abbonaturi għall-media soċjali jibdew japprezzaw aħjar is-sinifikat tal-ġustizzja, is-solidarjetà soċjali u r-rispett għad-dinjità tal-individwu bħala parti minn hekk-imsejħa inklużjoni diġitali.