Lokali Qorti

Żagħżugħ bi problema enormi ta’ droga għal darba oħra jitressaq il-Qorti fuq serq

Żagħżugħ ta’ 28 sena bi problema enormi ta’ droga li għandu problema enormi tad-droga reġa’ tressaq il-Qorti għat-tieni darba fi spazju ta’ sitt ġimgħat mixli li nhar il-Ħadd li għadda seraq minn vending machine f’Ta’Xbiex. Daniele Aquilina, residenti Ta’Xbiex ġie mixli li kiser ħames digrieti ta’ ħelsien mill-arrest bid-difiża f’dan l-istadju ma titlobx għall-pleġġ bl-avukat tiegħu David Gatt jgħid li hemm bżonn li jkun hemm diversi stadji fil-programm residenzjali u dan biex jieħu t-trattament mistħoqq.  

Il-Prosekuzzjoni qablet li Aquilina għandu jingħata l-għajnuna għaliex ma jistax ikun li wara tlieta jew erbaż t’ijiem huwa jispiċċa jikser il-liġi. Huwa ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li bejn l-4am u l-5am seraq minn vending machine li tinsab ġewwa Ġnien tal-Kunsill tal-Ewropa, li jinsab fi triq ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex. Aquilina ġie mixli wkoll li għamel ħsara ta, €2,500 fuq il-vending machine. Il-prosekuzzjoni waslet għall-arrest ta’ Aquilina minn filmati tas-CCTV.

Fis-6 ta’ Ġunju li għadda Aquilina kien wkoll tressaq il-Qorti mixli li seraq fittings tal-ilma mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Huwa kien ġie mixli b’serq aggravat ta’ €2,600 fittings tal-ilma tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Il-pulizija kienet irċeviet żewġ rapporti mill-Korporazzjoni u kienet eżaminat filmati tas-CCTV, li minnhom ġiet identifikata l-vettura użata sussegwentement. Sid il-vettura, Aquilina, ġie arrestat aktar tard fid-dar tiegħu f’Ta’ Xbiex. Fil-każ tal-vending machine il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Colin Sheldon.