Is-sajf għal żewġ studenti Franċiżi li jistudjaw l-Ingliż f’Malta spiċċa jiswiehom ferm aktar minn dak li kien ħasbu wara li nstabu ħatja li kkaġunaw ħsara kriminali fil-blokk ta’ appartamenti fejn kienu qed jiġu ospitati minn familja Maltija. L-Ispettur George Frendo ressaq il-Qorti lill-infermiera Anna Laguibre ta’ 24 sena u lill-aġent tal-proprjetà Tarkan Deffrasnes ta’ 23 sena, it-tnejn minn Bordeaux quddiem il-maġistrat Natasha Galea Sciberras, akkużati li kkaġunaw ħsarat b’valur ta’ €4,559 fil-lift li serva l-blokk ta’ appartamenti Ta’ Xbiex fejn kienet tgħix il-familja li laqgħet l-istudenti.
Fil-Qorti ntqal li l-familja f’Xbiex kienet it-tieni familja li ntalbet tospita lill-koppja mill-iskola tal-lingwa, wara li daħlu f’inkwiet mal-familja ospitanti oriġinali tagħhom. L-Ispettur Frendo qal lill-Qorti li l-inċident inqabad fuq CCTV, u spjega li l-koppja kienet tidher bla paċenzja waqt li kienet qed tistenna li jasal is-sid u għalhekk għamlu ħsara lill-lift li jaqdi l-blokk, kif ukoll lill-bieb ta’ barra.
L-Avukat Daniel Attard, li deher f’isem l-akkużati qal li t-tnejn qed iwieġbu ħatja tal-akkuża solitarja ta’ ħsara kriminali, bil-Qorti twissihom li potenzjalment jistgħu jmorru l-ħabs għar-reati. L-Ispettur ikkonferma li l-prosekuzzjoni ma kinitx qed tinsisti fuq il-ħabs u ssuġġerixxa li l-akkużati jiġu ordnati jħallsu għall-ħsara u jagħmlu apoloġija.
Kienet isuġġerita sentenza sospiża, iżda l-avukat parte civile Dean Hili irrimarka li dan ma jġiegħelhomx iħallsu għall-ħsara qabel jmorru lura pajjiżhom nhar il-Ġimgħa. Id-difiża kkonfermat li l-akkużati kellhom fondi biżżejjed biex iħallsu u kienu se jħallsu għall-ħsara fi żmien jumejn.
L-akkużati qalu wkoll lill-Qorti li mhux se joġġezzjonaw li jkunu akkumpanjati mill-pulizija f’ATM, iżda dan ġie miċħud minħabba limiti ta’ ġbid ta’ flus kontanti. L-avukat tagħhom issuġġerixxa li l-ġenituri tagħhom jistgħu jgħaddu l-flus minn Franza permezz ta’ trasferiment bankarju fi żmien 24 siegħa.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-rieda tal-akkużati li jħallsu għad-danni kkawżati u t-talba bikrija tagħhom ta’ ħtija, kkundannat lill-istudenti 18-il xahar ħabs, sospiżi għal erba’ snin u ordnathom iħallsu għall-ħsara. fi żmien 48 siegħa. In-nuqqas ta’ ħlas jagħmel is-sentenza sospiża eżekutibbli, wissiet il-Qorti lill-istudenti.
//= $special ?>