Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Covid-19 tħalli 4 vittmi oħra, 261 każ ġdid

Fl-aħħar sigħat il-Covid-19 ħalliet 4 vittmi oħra, bit-total ta’ fatalitajiet kaġun tal-pandemija issa tela’ għal 777.

Bejn it-Tnejn u Tlieta f’Malta nstabu 261 każ ġdid ta’ Covid-19 bil-każijiet attivi jinżlu għal 5,659 wara li fl-aħħar 24 siegħa fiequ 604 persuni oħra.

Għalkemm kellna l-aħħar jiem bi tnaqqis drastiku ta’ każijiet ġodda, fl-aħħar 7 t’ijiem kellna 14-il mewta b’rabta mal-pandemija u 1,917-il każ ġdid.

L-ammont ta’ pazjenti rikoverati l-Isptar kawza ta’ dan il-virus mhux disponibbli għall-pubbliku iżda fl-aħħar jiem, infermiera kkonfermaw ma’ dan l-istazzjon li qed jesperjenzaw żieda qawwija ta’ pazjenti rikoverati l-Isptar.

Tant hu hekk, li operazzjonijiet li mhumiex meqjusa bħala urġenti qed jiġu mħassra sabiex ilaħħqu maż-żieda tal-pazjenti pożittivi għall-Covid. Infermiera li tkellmu magħna qalulna li s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ infermiera mhux tgħin is-sitwazzjoni, bil-piżijiet fuq dan is-settur ikomplu jiżdiedu, filwaqt li l-ħaddiema f’dan is-settur jibqgħu ftit.