Lokali Saħħa

It-tobba bi protest ġudizzjarju kontra is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa

It-tobba mħassba dwar is-sitwazzjoni fl-isptarijiet

Fl-aħħar sigħat it-tobba fetħu protest ġudizzjarju kontra is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa talli s-sitwazzjoni fil-qasam mediku qed tibqa’ waħda prekarja, bil-piżijiet ikomplu jiżdiedu fuq il-ħaddiema tas-saħħa, filwaqt li qed ibati l-pazjent.

L-Assoċjazzjoni tat-Tobba, il-MAM, ħasset il-ħtieġa li tieħu dan il-pass biex tħares id-drittijiet tagħha u tal-irwoli li taqdi billi tieħu lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ Chris Fearne l-Qorti.

L-Assoċjazzjoni għamlet referenza għall-mod kif il-Gvern ma tantx qed jagħmel sforz biex in-nuqqas ta’ qbil li ghad hemm mal-inferemiera jissolva kemm jista’ jkun malajr.

F’kumment li qal ma’ Net News il-President tal-MAM, Martin Balzan qalilna aktar dwar kif huwa fl-obbligu tal-Assoċjazzjoni li tħares l-interessi tat-tobba u għalhekk ħadet dan il-pass.

Bħalissa għadhom għaddejjin għadd ta’ direttivi mill-MUMN fil-konfront tal-Gvern għan-nuqqas ta’ azzjoni fil-konfront tas-sigħat twal li qed ikollhom jagħmlu l-ħaddiema tas-saħħa, il-pagi baxxi, u n-nuqqas ta’ ħaddiema f’dan is-settur.

Il-MAM minn naha taghha qalet li ħadet dan il-pass fil-Qorti għax tinsab imħassba ferm dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa f’pajjiżna. Hija qalet li kaġun tan-nuqqas ta’ azzjoni, il-pazjenti qed jispiċċaw jibqgħu fil-kurituri tal-isptar, u ma jirċievux il-kura mill-aktar fis.

Il-MAM tenniet li t-tobba mhux se jkunu responsabbli għal ċertu dewmien li qed jinħoloq, jew għat-tibdil fil-proċeduri mediċi fl-isptar Mater Dei.