Il-kunsill lokali tal-Għarb b’kollaborazzjoni mal-fondazzjoni tar-riċerka Genista organizza konferenza internazzjonali bit-tema ‘demokrazija lokali-parteċipazzjoni taċ-ċittadini’.
Waqt din il-konferenza li għaliha attendew Sindki u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili minn tmien pajjiżi differenti kienu trattati numru ta’ punti dwar kif jista’ jkun hemm ċittadinanza aktar attiva u parteċipazzjoni ċivili fit-tmexxija fil-lokalitajiet.
Fil-konferenza, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet dwar il-ħtieġa tad-drittijiet umani tat-tfal u kif il-parteċipazzjoni tagħhom tgħin fl-iżvilupp u hija eżempju ta’ demokrazija effettiva li tħeġġeġ il-ħsieb.
Dan filwaqt li l-President tal-kunsill reġjonali ta’ Għawdex Samuel Azzopardi tkellem dwar inizjattivi li qed jittieħdu mill-Kunsill reġjonali.
Min-naħa tiegħu Mario Fava, il-President tal-assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali ta ħarsa ġenerali lejn kif l-assoċjazzjoni isservi ta’ pont bejn il-kunsilli lokali, il-kunsilliera u ċ-ċittadini permezz tad-diversi inizjattivi tagħha.
Joe Muscat tkellem dwar l-isfidi tat-Turiżmu f’Għawdex u r-realtajiet u l-effetti tal-pandemija tal-COVID. Filwaqt li Daniel Borg ta ħarsa ġenerali lejn l-industrija f’Għawdex, l-isfidi li jiffaċċjaw is-soċjetajiet insulari u l-gżejjer żgħar periferiċi.
Min-naħa tiegħu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Alex Borg spjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal din il-gżira.
//= $special ?>