Il-poplu Taljan qed ifakkar it-30 anniversarju tal-isplużjoni f’Palermo li swiet il-ħajja tal-Maġistrat anti-Mafja Paolo Borsellino u ħames irġiel li kienu qed jipprovdulu skorta ta’ sigurtà,
L-attakk għadu sallum magħruf bħala ta’ ‘Via d’Amelio’ li hi l-isem taz-zona fejn seħħet l-l-isplużjoni tal-bomba. Il-qtil ta’ Borsellino u l-gwardjani tiegħu, kien seħħ fid-19 ta’ Lulju tal-1992 — proprju xahrejn biss wara li l-Mafja, jew Costa Nostra, kienet qatlet bl-istess mod lill-Maġistrat Giovanni Falcone, flimkien ma’ martu Francesca Morvillo u xi uffiċjali tal-pulizija li kienu qed jakkumpanjawhom.
Il-qtil ta’ Falcone kienet dovuta għal bomba kbira li splodiet taħt il-karozzi tiegħu u tal-gwardjani fit-triq prinċipali li twassal għall-ajruport ta’ Palermo.
Il-President Taljan Sergio Mattarella, illum, sellem lill-memorja ta’ Borsellino u l-gwardjani maqtula waqt li ħeġġeġ għat-tkattir tal-‘ispirtu tal-verità’ matul il-proċessi tal-qorti li għadhom għaddejjin bil-għan li jinstabu l-persuni kollha responsabbli għall-attakk qattiel tal-1992.
Illum anki qed ikunu investigati l-isforzi ta’ persuni – u uħud minnhom mhumiex magħrufa — li fl-aħħar snin għamlu minn kollox biex ‘itellfu jew joqtlu’ l-investigazzjoni dwar l-assassinar tal-Maġistrat Borsellino.
Dan meta l-qraba tal-vittmi tal-attakk huma mgħaddbin dwar sentenza li għaddiet ftit ilu qorti f’Caltanisetta u li ddeċidiet bħala preskritt il-każ li kien tressaq kontra żewġ uffiċjali tal-pulizija akkużati b’li pruvaw itellfu l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Borsellino.
Fl-istess ħin, il-Prosekutur Nazzjonali anti-Mafja, Giovanni Melillo, fl-aħħar jiem ukoll, talab skuża għall-fatt li l-investigazzjonijiet ‘spiċċaw iddevjati mill-iskop oriġinali’.
//= $special ?>

