Lokali Qorti

Raġel li se jgħaddi ġuri fuq qtil jingħata l-pleġġ fuq allegat serq minn bajja f’Għawdex

Raġel li jinsab fuq libertà proviżorja u li qed jistenna li jgħaddi ġuri għal qtil fl-2018 reġa’ ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li seraq borża li kien fiha flus kontanti, credit cards u mobiles mill-bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex. L-ispetturi tal-Pulizija Josef Gauci u Bernard Charles Spiteri ressqu quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana lil Hamza Kamel El Bakoush residenti Marsalforn, fejn akkużawh b’serq aggravat bil-valur ta’ oġġetti misruqa, li kiser żewġ digrieti separati ta’ libertà proviżorja u li sar reċediv.

Fil-Qorti ta’ Għawdex ingħad li s-serqiet seħħew wara nofsinhar fid-19 ta’ Ġunju u kienu fil-mira numru ta’ għawwiema li kienu fil-bajja. Il-prosekuzzjoni talbet ukoll lill-qorti biex tordna lil El Bakoush, li kien fuq garanzija, li kien qed jistenna l-proċess talli sawwat u qatel raġel Libjan fil-Ħamrun fl-2018, jitlef total ta’ €43,500 f’garanziji ta’ libertà proviżorja. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-avukat difensur Arthur Azzopardi talab il-libertà proviżorja, li ngħatat kontra depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.