It-Tribunal tal-Appelli għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPA) iddifferiet każ ippreżentat dwar ir-rifjut tal-Kummissarju tal-Pulizija li jiżvela l-lista sħiħa tal-korp tal-pulizija nominati għall-bord tal-gvernaturi tal-Financial Intelligence and Analysis Unit (FIAU), għal Settembru, f’ mossa deskritta bħala ta’ ħsara għall-interessi tal-ġustizzja’ mill-President ta’ Repubblika Robert Aquilina.
It-Tribunal, ippresedut minn Noel Camilleri kellu seduta f’każ li jittratta ċ-ċaħda tal-Pulizija ta’ talba għall-Ħelsien tal-Informazzjoni li tressqet fl-2020, minn Aquilina, dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet li jipprovdu lista tal-individwi kollha nominati biex iservi fuq il-bord tal-Gvernaturi tal-Financial Intelligence Analysis Unit, lista li tkun tinkludi lill-eks deputat kummissarju Silvio Valletta.
Valletta, li rtira mill-korp fl-2019 taħt sħaba sewda, wara li kien żvelat li żamm rabtiet mill-qrib man-negozjant Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’rabta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien ġie żvelat ukoll li Valletta vvjaġġa ma’ Fenech biex jaraw partita futbol fir-Renju Unit, fi żmien meta Fenech kien diġà ġie identifikat bħala suspettat fl-investigazzjoni dwar il-qtil.
Meta l-kawża kompliet tinstema’ t-Tlieta filgħodu, it-Tribunal osserva li l-avukati taż-żewġ partijiet kienu qablu li għandha tagħti deċiżjoni waħda, kemm fuq il-motivi preliminari kif ukoll fuq il-mertu. L-Avukat Sarah Cannataci, li dehret f’isem ir-Repubblika, talbet aġġornament sabiex ix-xhieda tagħha jkunu jistgħu jiġu mħarrka.
Iżda meta t-Tribunal ippropona li s-seduta li jmiss issir f’Settembru, dan wassal għal oġġezzjoni mill-President ta’ Repubblika Robert Aquilina, li sostna li kien diġà inħela ħafna ħin bl-assenzi mill-Kummissarju tal-Pulizija, li ma kienx ġie avżat dwar seduti preċedenti u r-riżenja taċ-chairperson tat-Tribunal matul il-perjodu tal-elezzjoni.
“Dan id-dewmien huwa ta’ ħsara għall-interess tal-ġustizzja. Waqt l-aħħar seduta, li saret fl-10 ta’ Marzu, qabel l-elezzjoni ġenerali, iċ-chairperson kien għażel li joffri r-riżenja tiegħu. M’hemm l-ebda dispożizzjoni legali għal dan. Dan ifisser li m’hemmx ugwaljanza u li dan it-Tribunal huwa subordinat għall-interessi tal-Gvern,” sostna Aquilina.
Iċ-chairman irribatta s-sottomissjonijiet, u qal li “anki jekk mhux fil-liġi, din ir-riżenja taċ-chairperson tat-Tribunal qabel l-elezzjonijiet ġenerali] hija prattika li ġiet adottata mill-bidu tagħha. “Jekk tħoss li d-drittijiet tiegħek qed jiġu preġudikati, taf x’proċeduri għandek tieħu,” żied Camilleri.
“Qegħdin f’Lulju, ma nara l-ebda raġuni biex nittardjaw sa Settembru,” insista Aquilina, iżda ċ-chairman assolutament ma kienx se jilqa’ t-talba. “F’Awwissu kulħadd irid jistrieħ, naħseb li int ukoll,” interrompa ċ-chairman. Aquilina, li ma qatax qalbu minn dawn l-interuzzjonijiet, sostna li “fis-sentejn u nofs minn meta ppreżentajt dan il-każ, ir-reżistenza tal-Kummissarji tal-Pulizija suċċessivi għamlitha diffiċli lir-Repubblika biex taġixxi ta’ watchdog.
“L-informazzjoni qed tixjieħ. Ma nistax nara għaliex ma nistgħux ikollna seduta f’Lulju.” L-Avukat Miguel Degabriele, mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, sostna li l-liġi nnifisha imponiet perjodu ta’ għeluq fuq il-qrati f’Awwissu. “Se nkun ukoll ippreġudikat,” żied iċ-chairman.
“Is-seduta li jmiss żgur se tkun qed issir fit-13 ta’ Settembru fl-10:00am.” Cannataci infurmat lit-tribunal li hija kienet se tibgħat lir-reġistru lista tax-xhieda tar-Repubblika sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa, biex tiffaċilita lit-Tribunal biex isejjaħhom u jalloka ħin biżżejjed għas-seduta.
Fid-dawl tal-oġġezzjoni tal-attur għad-dewmien, iċ-chairman iddetta nota, li tgħid “Dr. Aquilina irrimarka li t-tribunal ma kellux jimxi mal-prattika, li kienet ilha tintuża minn dejjem, li biha l-uffiċjali tat-Tribunal joffru r-riżenja tagħhom matul il-perjodu tal-elezzjoni. Dr Aquilina jħoss li dan it-Tribunal ma kellux jadotta din il-prattika, peress li jħoss li dan jippreġudika d-drittijiet tiegħu.”
//= $special ?>

