Slovakk ta’ 35 sena ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Mars Anne Farrugia wara li ammetta li wettaq frodi fil-konfront ta’ kumpanija li tinsab fin-negizju tan-nuċċalijiet. Dusan Osuch kien qed jiġi akkużat b’miżapproprijazzjoni ta’ fondi tal-kumpanija li tagħha huwa kien wieħed mid-diretturi.
Meta tressaq il-Qorti l-Prosekuzzjoni qalet li l-kumpanija li kien jaħdem magħha kien daħħalha fl-ispejjeż ta’ €10,000, spejjeż li l-kumpanija ma kienitx verament daħlet għalihom. Madankollu fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2022, l-Uffiċjal Prosekutur iddikjara li l-ammont miksub illeċitament mis-Slovakk jammonta għas-somma ta’ €4,850. Fl-istess seduta l-imputat irreġistra ammissjoni fuq it-tieni akkuża miġjuba kontrih ta’ frodi għall-ammont imsemmi.
Il-Qorti wissiet lil Osuch dwar il-konsegwenzi serji tar-reġistrazzjoni tiegħu ta’ ħati u dan peress li l-piena massima dwar dan hija dik ta’ erbgħa snin priġunerija. Il-Maġistrat issospendiet s-seduta sabiex l-imputat ikun jista’ jikkonsulta mal-konsulenti legali tiegħu, biex jara jekk riedx jirtira t-talba tiegħu ta’ ħati, xi ħaġa li huwa għamel u kkonferma l-ħtija tiegħu.
Fid-dawl tal-ewwel akkuża ta’ misapproprjazzjoni aggravata u dwar dan il-Qorti astjeniet milli tieħu konjizzjoni tal-ewwel akkuża. Rigward il-piena, il-Qorti qieset il-fatt li l-imputat irreġistra l-ħtija tiegħu fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedimenti.
Dawn il-proċeduri bdew fl-2019, u l-imputat irreġistra ammissjoni meta l-persuni kollha residenti Malta kienet diġà xehdu, u l-Qorti kienet qed tistenna wkoll l-eżekuzzjoni taż-żewġ talbiet għal kooperazzjoni internazzjonali – waħda lis-Slovakkja u waħda mir-Renju Unit.
Fil-fatt il-fajl tal-Qorti huwa twil madwar 550 paġna. Allura wieħed żgur ma jistax jitkellemm li r-reġistrazzjoni ta’ ħtija hija waħda bikrija, kif ippreżentata mid-difiża, minħabba li l-imputat xorta ħela l-ħin tal-Qorti u tal-korp tal-Pulizija.
Skont l-istqarrija li ħareġ lill-Pulizija, l-imputat ilu jgħix f’Malta minn Settembru 2018, u l-kondotta tiegħu hija waħda nadifa. Fis-seduta tas-6 ta’ April 2022, l-Avukat Roberto Montalto għall-parte civile jgħarraf lill-Qorti li l-partijiet f’dan il-każ għandhom wasal għal soluzzjoni bonarja fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha ċivili u kummerċjali li nqalgħu u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija huwa ġie kundannat sentejn priġunerija, li qed jiġu sospiżi għal perjodu ta’ erba’ snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Brian Xuereb.