Il-Korp tal-Pulizija għaddej minn żmien diffiċli ħafna, is-sens ta’ demotivazzjoni qed jinħass – Il-Korp illum huwa overworked, understaffed u underpaid.
Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgha filgħodu indirizzata flimkien mad-Deputat Alex Borg fejn saħaq li l-kundizzjonijiet li qed jaħdmu fihom l-uffiċjali tal-Pulizija f’pajjiżna huma diffiċli ferm.
Joe Giglio spjega li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà laħaq f’din il-pożizzjoni bi pjan…madanakollu, wara li għaddew is-snin, jew il-pjan mhux jagħti l-frott mixtieq, jew mhux qiegħed jaħdem.
Huwa insista li l-appelli għal kundizzjonijiet aħjar mhux biss ġejjin mill-membri tal-Korp iżda anke minn uffiċjali tal-LESA u għaldaqstant dan ċertament ma jirrifletti xejn sabiħ fuq is-sigurtà f’pajjiżna.
Joe Giglio insista li għandu jsir minn kollox biex il-kundizzjonijiet tal-Pulizija jitjiebu illum qabel għada.

Minn naħa tiegħu, Alex Borg irringrazzja lill-membri tal-Korp, partikolarment l-uffiċjali stazzjoni Għawdex fejn spjega li minkejja n-nuqqas qawwi ta’ riżorsi umani xorta waħda qed jagħmlu mill-aħjar li jistgħu.
Madanakollu insista li ċ-ċittadini fl-irħula Għawdxin, partikolarment fejn qed tiżdied il-popolazzjoni fosthom Marsalforn…qed jgħixu fil-biża’.
Huwa spjega li jekk ma tasalx il-bidla fil-kundizzjonijiet tal-Pulizija se jkun qiegħed ibgħati l-ewwel u qabel kollox iċ-ċittadin b’żieda fil-kriminalità u l-vjolenza.
Borg sostna li r-responsabbiltà hija kollha kemm hi fuq il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa u l-Ministru Byron Camilleri.
Għal dawn l-aħħar xhur u ġimgħat il-Malta Police Union u l-Police Officers Union appellaw lill-Ministru Byron Camilleri u lill-Kummissarju tal-Pulizija għal kundizzjonijiet xierqa…. kif ukoll esprimew l-inkwiet tagħhom għan-nuqqas ta riżorsi umani partikolarment fil-gżira Għawdxija.
