Lokali

L-MPU bi kliem iebes għall-kundizzjonijiet li tinsab fiha l-Għassa tal-Belt

“L-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta mhux post adegwat fejn l-uffiċjali tal-Pulizija jaħdmu fih.”

Hekk sostniet il-Malta Police Union wara li ssoktat bl-appelli tagħha li l-uffiċjali tal-Pulizija jeħtieġu kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Wara li fl-aħħar jiem uriet f’liema kundizzjonijiet l-uffiċjali qed jaħdmu fl-Għassa ta’ San Ġiljan, fejn  iddeskrivietha bħala dar tal-waħx, issa kien imiss li ċ-ċittadin jara b’għajnejh f’liema kundizzjoni tinsab l-għassa tal-belt kapitali.

L-Union spjegat li l-Belt Valletta nsibuha bħala Mużew ħaj u fl-apert – saħansitra ngħatat t-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018 – mgħonija bil-palazzi, bereġ u knejjes. Iżda, kompliet l-MPU t-turist jaf jiġi bżonn ukoll li jżur l-Għassa tal-Pulizija….bl-aħħar xogħlijiet li saru fiha huwa proprju fl-2018.

Minn tweġiba għall-mistoqsija parlamentari sar magħruf li dak inhar intefqu €1,900 f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni.

L-MPU spjegat li l-Għassa tal-Belt mhux biss mhux adegwata għall-uffiċjali, iżda ċertament mhux post seren sabiex jilqa’ lill-vittmi ta’ xi reat.

L-Union stqarret li għaddew sentejn mill-5 snin tal-famuża strateġija li kellha titrasforma lill-Korp u s’issa ma hija qed tara ebda tibdil konkret u sodisfaċenti – ebda progress għall-aħjar … bl-uffiċjali tad-distrett jibqgħu demotivati għall-aħħar.