“L-anzjani huma parti importanti mis-soċjetà, u l-inqas li nistgħu nagħmlu huwa li nuru r-rispett u l-apprezzament tagħna lejhom wara li tant ħadu ħsieb lilna.”
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel fir-residenza Roseville f’Ħal Balzan – residenza privata li toffri l-ispazju perfett b’ġonna, kura u l-attenzjoni kollha lill-anzjani li jkollhom bżonn.
Bernard Grech spjega li s-sentejn qliel ta’ pandemija wrew kemm huwa ferm importanti xogħol il-carers u l-infermieri. Huwa insista li l-apprezzament ċertament m’għandnix biss nuruhulhom biċ-ċapċip iżda li naraw li l-kundizzjonijiet tagħhom ikomplu jitjiebu.

Akkumpanjat mid-Deputati Graziella Galea u Paula Mifsud Bonnici, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ntlaqa’ mir-residenti bi tbissima fejn bosta rrakkontawlu l-esperjenzi tagħhom, oħrajn jispjegawlu kif iqattgħu l-ġurnata; min igawdi l-ġonna tar-residenza, uħud jilgħabu partita billiard filwaqt li kien hemm min iqattagħha jgħid kelma waqt li jagħmlu l-ħjata.
Hawn, il-Kap tal-PN kien ukoll ippreżentat b’tifkira kommemorattiva ta’ din iż-żjara.
Ma’ Net News, Bernard Grech stqarr li bħal diversi Maltin u Għawdxin l-ġenituri tiegħu jinsabu f’residenza tal-anzjani u jaf x’kienu jfissru x-xhur ta’ pandemija li qatta’ ‘l bogħod minn ommu u missieru.
Għal Partit Nazzjonalista l-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tiegħu int min int u ġej mnejn ġej – partikolarment l-anzjani li wara tant żmien jagħtu għal pajjiżna imiss issa lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom li jagħtu lura lilhom.
