Internazzjonali

Renju Unit: Sunak u Truss għall-ġirja finali sabiex jieħdu post Johnson

Ftit tal-minuti ilu ħarġet l-aħbar li l-eks Ministru tal-Finanzi Rishi Sunak u Liz Truss, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin huma l-aħħar żewġ kandidati li se jikkuntestaw il-vot finali għall-konferma tal-Kap ġdid tat-Tories.

Dan wara li fir-rawnd tal-votazzjoni tal-Erbgħa, Rishi Sunak kiseb 137 vot, filwaqt Lizz Truss ġabet 113 vot. Dan irriżulta sabiex il-Ministru għall-Kummerċ Penny Mardaunt tispiċċa eliminata mit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Konservattiv Ingliz wara r-riżenja tal-Prim Ministru Boris Johnson, b’105 vot.

Issa jmiss lill-membri tal-Partit Konservattiv li jagħżlu lill-Kap ġdid minn fost dawn iż-żewġ kandidati. Dan wara li l-Sunak u Truss ikunu mexxew il-kampanji rispettivi tagħhom sabiex jikkonvinċu lill-membri tal-Partit tat-Tories li huma denji biex imexxu lill-partit — u fl-istess ħin il-pajjiż li llum qed jiffaċċja l-isfidi sinifikanti.

Il-kampanji tal-kandidati rivali għandhom idumu tul is-sajf — bir-riżultat finali ta’ din it-tellieqa jitħabbar fil-5 ta’ Settembru.