Rapport: Stewart Said
NEPTUNES VIDEOSLOTS….. 10
SIRENS MECCA MARINE…… 9
(3-3), (2-2), (3-1), (2-3)
L-aħħar daħka kienet taċ-champions Neptunes Videoslots iżda r-riżultat finali ma jagħmilx ġustizzja mal-isforzi ta’ Sirens li taw battikata lil Neptunes għat-tieni darba f’dan l-istaġun. Kellhom ikunu l-kwalitajiet ta’ Jake Muscat u Stevie Camilleri li skorjaw f’mumenti importanti u kkundannaw għat-tieni darba konsekuttiva lil Sirens għal telfa minima kontra avversarju aktar kwotat minnhom. Nieqes għal darba oħra għal Neptunes kien hemm Jordan Camilleri.
Sirens fetħu vantaġġ bikri fil-logħba b’gowls ta’ Matthew Sciberras u Matthias Azzopardi. Sam Gialanze naqqas id-distakk sakemm Azzopardi għamilhom 3-1. Madankollu, Neptunes qatgħu l-iżvantaġġ sa tmiem l-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Muscat u Alec Fenech.
Neptunes kellhom diversi okkażjonijiet fejn setgħu jiskorjaw fit-tieni sessjoni. Iżda bejn sfortuna, il-bravuri ta’ Thomas Micallef u okkażjonijiet mitlufa, kienu kostretti li jkomplu jiġru wara l-logħba hekk kif kellhom iwieġbu darbtejn għall-gowls tal-avversarji.
Jacob Sciberras ħalla lil Sirens minn fuq fit-tielet sessjoni sakemm Stevie Camilleri wieġeb għal Neptunes. Kienu żewġ man-ups skorjati minn Jake Muscat lejn tmiem is-sessjoni li fihom Neptunes marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba.
Id-9-6 ta’ Camilleri fil-bidu tal-aħħar sessjoni seta’ kien il-bidu tat-tmiem għal Sirens. Iżda t-tim ta’ Marko Orlovic baqa’ fil-logħba u naqqas id-distakk għal gowl b’doppjetta ta’ Isaiah Riolo. Muscat skorja minn penalty iżda Jerome Zerafa Gregory ħalla lil Sirens jittamaw. Huma saħansitra protestaw għal penalty fuq Ken Erdogan fl-aħħar attakk, liema protesti sfaxxaw fix-xejn.
Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (5), S. Gialanze (1), G. Pace, J. Cachia, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (3), J. Camilleri, J. Abela, M. Spiteri Staines, A. Fenech (1), M. Castillo, M. Rossi, M. Farrugia
Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan, J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia, M. Chircop, I. Riolo (2), J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (2), M. Azzopardi (3), M. Bonello Dupuis, G. Melillo, K. Agius
Referees: Fabio Riciotti, Alex de Raffaele

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…. 15
EXILES…………………………….. 6
(5-2), (4-1), (3-2), (3-1)
San Ġiljan JP Projects ftit tħabtu biex għelbu lil Exiles u baqgħu tliet punti taħt Neptunes fi tmiem il-ġurnata. L-iskor seta’ kien ikbar kieku San Ġiljan żammew l-istess rendiment tal-ewwel minuti, b’Exiles jirnexxilhom jidħlu ftit fil-logħba f’partijiet tal-konfront.
Il-Ġiljaniżi kisbu vantaġġ immedjat u komdu ta’ 5-0 fl-ewwel minuti tal-logħba. Dan wassal biex kienu f’pożizzjoni li setgħu jamministraw il-logħba, bil-kowċ Zeljko Kovacic jagħmel ukoll aktar rotazzjoni fit-tim.
Minkejja li l-logħba dehret sejra favur San Ġiljan, Exiles pruvaw jibqgħu fil-logħba u sal-ewwel mumenti tat-tieni sessjoni naqqsu d-distakk għal 5-3. Iżda gowls minn Andreas Galea, tnejn ta’ Ben Plumpton u Nikolai Zammit reġgħu kabbru l-vantaġġ għal 9-3.
Fl-aħħar żewġ sessjonijiet, San Ġiljan komplew ikabbru l-vantaġġ, b’Exiles setgħu biss jippruvaw jillimitaw id-danni. Iż-żagħżugħ Russell Caruana spikka fl-aħħar sessjoni b’doppjetta.
San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea (2), N. Schiavone, R. Caruana (2), M. Zammit, B. Plumpton (5), D. Tully, J. Bonavia, N. Zammit (4), D. Zammit, N. Bugelli, G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Fero
Exiles: M. Castillo, N. Saliba, L. Gialanze, P. Paris, T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti (2), N. Paris, J. Bajada (1), M. Aquilina, D. Fenech, G. Borg, M. Martellacci (1), L. Pursehouse
Referees: Pasquale Rogondino, Stefan Licari
VALLETTA IZIBET………… 11
M’XLOKK BROWN’S……….. 7
(2-1), (3-2), (2-0), (4-4)
Valletta Izibet baqgħu bil-mixja perfetta fl-Ewwel Diviżjoni. F’konfront li qatt ma kienu minn taħt, il-Beltin ikkontrollaw il-logħba anki jekk Marsaxlokk offrew sfida denja f’mumenti waqt il-logħba.
F’żewġ okkażjonijiet fl-ewwel żewġ sessjonijiet, Marsaxlokk wieġbu darbtejn għall-gowls ta’ Valletta. Iżda gowls minn Sebastian Busuttil, Luke Hyzler u Andrea Agius taw vantaġġ ta’ 5-2, b’Ryan Galea jnaqqas id-distakk.
It-tim ta’ Joe Cremona beda jikkontrolla fit-tielet sessjoni. Huma rnexxielhom ma jsofrux gowl u b’gowls ta’ Luca Felice u Michele Mifsud kabbru l-vantaġġ għal 7-3.
Għalkemm ir-rimonta dehret diffiċli, Marsaxlokk xorta baqgħu jippruvaw isalvaw xi ħaġa mil-logħba. Tliet darbiet naqqsu d-distakk għal tliet gowls fl-aħħar sessjoni, liema distakk kien wisq għalihom, b’Sebastian Busuttil jissiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.
Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia (1), T. Said, L. Hyzler (1), S. Busuttil (2), Z. Micallef (1), D. Paolella (1), M. Mifsud (1), S. Micallef (1), A. Agius (1), M. Pace, K. Cremona, A. Bugeja, L. Felice (2), R. Attard
Marsaxlokk: S. Mifsud, R. Spiteri, C. Cutajar, G. Gatt, T. Agius, D. Bugeja, M. Zammit (1), L. Mallia (1), L. Saliba (1), R. Galea (2), S. Mifsud, E. Mallia (1), M. Farrugia, A. Cook, R. Scerri
Referees: Fabio Riciotti, Neville Mercieca
Logħob li jmiss
Il-Ġimgħa 22 ta’ Lulju
L-Ewwel Diviżjoni: Marsaxlokk v Barracudas 6.15pm, Marsaskala v Otters 7.20pm
Kampjonat Premier: San Ġiljan v Birżebbuġa 8.25pm
