Lokali Qorti

Tlieta jisirqu €60,000 minn garaxx f’Birkirkara f’90 sekonda

Tliet irġiel armati u mgħammdin daħlu f’garaxx f’Birkirkara u f’90 sekonda biss irnexxilhom jisirqu mas-€60,000 fi flus kontanti.

Il-każ beda jinstema’ fil-Qorti l-Erbgħa hekk kif tnejn mis-suspettati, Aaron Cassar ta’ 42 sena minn Birżebbuġa, u Joseph Xuereb ta’ 59 sena mill-Marsa kienu ġew arrestati l-ġimgħa l-oħra fuq is-serqa li kienet saret fi Triq Karm Zerafa fit-28 ta’ Mejju. It-tielet raġel għadu qed jiġi mfittex mill-Pulizija.

Fil-Qorti, il-vittma ta’ 53 sena qal kif ta’ kull ġimgħa kien jistenna li jasal għandu vann ta’ uffiċjali tas-sigurtà biex jiġbru l-flus mingħandu. Iżda meta sema’ vann jieqaf quddiem il-garaxx tiegħu, hu ħaseb bejnu u bejn ruħu li dakinhar il-vann kien mar iktar kmieni mis-soltu.

Kien hemmhekk fejn tliet irġiel ħarġu armati b’armi tan-nar, daħlu fil-garaxx tiegħu, u ordnawlu biex joqgħod kwiet u jpoġġi fuq siġġu.

Il-vittma rrifjuta li jpoġġi hekk kif kien jaf li possibilment se jorbtuh miegħu. Kien hawnhekk fejn il-ħalliela poġġewh fuq siġġu u rabtuh. Dan filwaqt li kontinwament komplew jordnawlu biex ma jagħmilx ħoss.

Wieħed mill-ħalliela pponta arma lejn il-vittma, bit-tieni ħalliel ħataf il-flus filwaqt li t-tielet wieħed kien fil-vann jistenna li jitagħbba bil-flus. Is-somma li nsterqet kienet bejn id-€59,000 u t-€62,000.

Qabel telqu, ir-raġel qalbu s-siġġu li kien fuqu l-vittma biex jagħmluha iktar diffiċli għalih li jqum u jmur warajhom. Madanakollu, hu rnexxilu jiftaħ il-bieb tal-garaxx b’saqajh u kien hawnhekk fejn ra l-vann abjad jitlaq minn fuq il-post.

Fortunatament, fl-istess ħin ħareġ ġar tal-vittma li hekk kif ġibidlu l-attenzjoni, dan ċempel lill-Pulizija filwaqt li mar itih daqqa t’id.

Investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżultaw li l-vann kien misruq lura f’April hekk kif is-sid ħalla l-istess vann ipparkjat waqt li kien barra minn pajjiżna. Il-vann ġie pparkjat daqs erba’ kantunieri ‘l bogħod minn fejn saret is-serqa.