F’ilment li għamel mat-tmexxija tal-PBS, il-Partit Nazzjonalista qal li mhux aċċettabbli li l-PBS jibqa’ pupazz tal-Gvern u minflok, għandu jaqdi dmirijietu lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Dan wara li x-Xandir tal-Istat baqa’ ma rrapportax ir-rapport li ħareġ l-OSCE dwar l-elezzjoni ġenerali. U dan minkejja li din l-organizzazzjoni internazzjonali kienet mistiedna mill-Gvern stess biex tosserva l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif, fir-rapport tagħha, l-OSCE nnotat kif il-PBS kien “ġeneralment favur il-partit fil-gvern”, li “l-partit fil-gvern gawda minn rappurtaġġ favorevoli” u li l-PBS “għandu nuqqas ta’ indipendenza mill-gvern”.
Jinnota wkoll kif il-Gvern ma kienx konformi ma’ standards internazzjonali fuq governanza tajba matul il-kampanja elettorali.
Barra minhekk, l-OSCE kkritikat ukoll l-operat tal-PBS u tal-Awtorità tax-Xandir, li min-naħa tagħhom, għadhom kif instabu ħatja l-ġimgħa li għaddiet bi żbilanċ u diskriminazzjoni, kif ukoll li kisru d-dritt tal-libertà tal-espressjoni tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>