Lokali

“Għandna l-inqas rata ta’ inflazzjoni” – Robert Abela

Abela jsemmi l-AirMalta iżda jinjora l-ħaddiema li għadhom imdendlin

Fi kliem Robert Abela, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ għoli tal-ħajja.

Dan qalu l-Prim Ministru nnifsu meta dalgħodu kien qed jitkellem waqt intervista fuq ir-radju Laburista, b’Robert Abela jinsisti li l-paraguni ma’ pajjiżi oħra Ewropej jridu jsiru.

Il-Prim Ministru, iżda, ftit offra soluzzjonijiet għaż-żieda kostanti fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi. U qal biss li ta protezzjoni fejn jidħol is-settur tal-enerġija.

“Ir-riżultati qed jitkellmu”, stqarr Robert Abela. “Nafu x’qed nagħmlu”.

Meta tkellem fuq ir-radju, Abela għamel referenza ta’ ftit sekondi għal-emendi fil-Liġi tal-IVF. Iżda imkien ma rreaġixxa għall-fatt li l-President ta’ Malta George Vella għadu ma ffirmax din il-liġi. Dwar dan, Robert Abela ma lissen ebda kelma u ma ta ebda spjegazzjoni.

Apparti minn hekk, waqtl-intervista l-Prim Ministru injora għal kollox lill-ħaddiema tal-AirMalta li bħalissa għadhom imdendlin. Dan minkejja li l-Gvern kien wegħdhom job alternattiv wara li huma tkeċċew mil-linja nazzjonali tal-ajru.

Dalgħodu, Abela għamel referenza żgħira għas-settur turistiku. U minkejja li semma’ lill-AirMalta, imkien ma tkellem dwar il-ħaddiema kollha li għadhom s’issa imdendlin. B’rapporti jindikaw li l-Gvern qed jerġa’ jinnegozja d-deal li kien sar qabel l-elezzjoni meta l-ħaddiema kienu imwiegħdin xogħol alternattiv bl-istess kundizzjonijiet.

Minn naħa tagħha, il-GWU qed tgħid li mhix involuta f’diskussjonijiet dwar l-Air Malta

Matul l-intervista, Robert Abela qal li f’dawn ix-xhur kien hu stess responsabbli minn riforma f’Identity Malta. Dan għaliex kien hemm “ineffiċjenzi”.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-Covid, u stqarr li n-nies kienu qed jibku biex jirritornaw għan-normalità sħiħa.

Intant, meta tkellem dwar id-direttiva tal-Work Life Balance, il-Prim Ministru qal li saru diskussjonijiet ma’ min iħaddem. Dan meta diversi Korpi Kostitwiti, fir-realtà, kritikaw lill-Gvern għall-fatt li d-direttiva iddaħħlet bl-addoċċ u ta’ malajr.