Il-possibbilità ta’ payout jew l-għotja ta’ somma flus biex impjegati tal-Air Malta jitilqu minn mal-kumpanija nazzjonali tal-ajru dejjem kienu fost il-possibiltajiet diskussi mal-Gvern.
Dan qalu Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, li tirrappreżenta perċentwal kbir tal-ħaddiema tal-Air Malta.
The Shift News l-Erbgħa filgħodu qal li ra korrispondenza li tixhed kif il-Ministru Clyde Caruana kien qiegħed f’diskussjonijiet maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi biex numru ta’ ħaddiema jingħataw somma flus minflok ma jingħataw impjieg alternattiv.
Iżda, l-GWU mhix involuta f’dawn id-diskussjonijiet, u Josef Bugeja qed jisħaq li l-union se tinsisti biex jinżamm il-ftehim li ntlaħaq fi Frar li għadda.
Josef Bugeja qal li l-ftehim oriġinali kien jitlob li l-impjegati kollha jingħataw impjieg alternattiv mal-Gvern, bil-pagi u l-kundizzjonijiet li kellhom mal-Air Malta.
Iżda qal ukoll li l-ftehim kien jgħid li f’każ li impjegat ikun jixtieq hekk, jista’ wkoll jingħata l-għażla li jieħu somma flus biex jinħall mill-impjieg.
Jidher li minkejja dan kollu, il-kalkoli biex jinħadmu dawn is-somom għadhom mhux determinati.
Net News prova jagħmel kuntatt ma’ David Curmi iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta li madankollu kien f’laqgha u ma setax jagħtina kummenti.
//= $special ?>