L-aħbar żvelata llum mit-Times of Malta li l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ħatar inkjesta biex tinvestiga kif żewġ avukati ġew liberati mill-akkuża li ppruvaw ixaħħmu ġurnalist, turi kif il-Gvern lest jagħmel minn kollox biex jibqa’ jgħatti u jiskuża n-nuqqasijiet gravi tal-Avukat Ġenerali.
Hekk qal il-PN fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina.
Mis-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Maġistrati ħareġ ċar li ż-żewġ avukati akkużati b’attentat ta’ tixħim ġew illiberati biss minħabba nuqqas serju tal-Avukat Ġenerali fil-proċedura quddiem l-istess Qorti.
Minflok irrikonoxxiet in-nuqqasijiet tagħha, l-Avukat Ġenerali appellat mis-sentenza u qiegħda tinsisti li ma kien hemm l-ebda nuqqas minnha f’dan il-każ. Biex jgħinha fl-intransiġenza tagħha, il-Ministru għall-Ġustizzja qed jagħżel li jinjora s-sentenza tal-Qorti u jrid li l-ġudizzja tal-Qorti jiġi sostitwit minn persuna tal-għażla tiegħu f’inkjesta li mhix pubblika u tingħata biss lilu nnifsu.
Għalhekk l-inkjesta maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja mhu ser isservi l-ebda skop ħlief dak li l-Avukat Ġenerali tibqa’ fil-pożizzjoni tagħha u ma terfa’ l-ebda responsabbilità dwar kif qiegħda teżerċita s-setgħat tagħha fi proċeduri kriminali b’mod partikolari meta dawn ikunu dwar każijiet ta’ natura serja u li jolqtu s-sigurtà pubblika u l-fiduċja li suppost igawdu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Infakkar kif f’Jannar li għadda l-Avukat Ġenerali għamlet deal skandaluż li permezz tiegħu waqqgħet l-akkuża ta’ tentattiv ta’ omiċidiju fuq membri tal-Korp tal-Pulizija, fil-konfront ta’ wieħed mill-akkużati li kien ser jgħaddi ġuri b’akkużi ta’ tentattiv ta’ omiċidju, hold up u reati serji oħra. Dwar dan il-każ serju l-Ministru għall-Ġustizzja għadu s’issa ma ħa l-ebda azzjoni u qed jibqa’ jiddefendi l-aġir irresponsabbli tal-Avukat Ġenerali.
Fil-fehma tal-Oppożizzjoni l-aġir tal-Avukat Ġenerali jikkostitwixxi abbuż mill-indipendenza kostituzzjonali li hija tgawdi u n-nuqqasijiet serji tagħha qegħdin ikomplu jdgħajfu l-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali.
Għalhekk l-Oppożizzjoni tistenna li l-Avukat Ġenerali terfa’ r-responnsabbilità tagħha u twarrab mill-kariga tagħha.
//= $special ?>