Paġna sewda għall-politika fl-Italja – kriżi ġdida li wasslet għar-riżenja tal-Prim Ministru Mario Draghi.
Fid-9am, Draghi indirizza l-Parlament fejn spjega li dalgħodu se jmur għand il-President biex jippreżenta r-riżenja.
Is-seduta Parlamentari se tissokta f’nofsinhar.

AKTAR KMIENI
Minkejja li fis-Senat ġab maġġoranza minn dak li vvutaw ilbieraħ, il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi xorta jinsab maqbud f’nofs kriżi. Dan hekk kif is-Senaturi tal-Lega, Forza Italia, u l-Movimento Cinque Stelle ma vvutawx – u għalhekk, ma tawhx appoġġ.
Minħabba din ir-raġuni, dalgħodu, Mario Draghi se jkun qed jindirizza l-Parlament Taljan fejn mistenni jħabbar ir-riżenja tiegħu. U wara jmur għand il-President Sergio Mattarella.
Fil-vot tal-bieraħ fis-Senat, 95 ivvutaw favur u 38 kontra. Dan xorta ma jfisser xejn, għaliex Draghi baqa’ ma ġabx l-appoġġ tal-gruppi politiċi fil-koalizzjoni tal-Gvern.
Intant, rapporti fil-media Taljana qed jgħidu li l-pajjiż possibilment se jmur għal elezzjoni fit-2 ta’ Ottubru.
Fi żviluppi oħra, sar magħruf li l-Ministru Mariastella Gelmini irriżenjat mill-partit Forza Italia. Dan minħabba li fi kliema stess, il-partit ta’ dahru lill-poplu Taljan.
//= $special ?>