Ir-Russja qed terġa’ tkompli l-provvista tal-gass lejn l-Ewropa permezz tal-akbar pipeline tagħha, bl-isem Nord Stream 1.
Dan qed iseħħ minkejja li r-Russja, fl-aħħar ġimgħat, kienet wissiet li kellha tnaqqas jew ‘twaqqaf għal kollox’ il-provvista tar-riżors essenzjali lill-Istati Ewropej.
Il-pipeline inkwistjoni qed jiffunzjona mill-ġdid – iżda b’kapaċità anqas – wara waqfa ta’ għaxart ijiem dovuta għall-manutenzjoni tal-istess pipeline.
U s-sitwazzjoni attwali kapaċi ssolvi diversi problemi għal-Ewropa wara li l-Kummissjoni Ewropea, f’nofs il-ġimgħa, kienet ħeġġet biex il-pajjiżi jnaqqsu l-użu tal-gass bi 15 fil-mija għas-seba’ xhur li ġejjin. Dana dejjem f’każ li r-Russja kellha twaqqaf ħesrem il-provvista tal-gass lejn l-Ewropa.
Proprju s-sena l-oħra, ir-Russja provdiet xejn anqas minn 40 fil-mija tal-gass naturali li użaw l-Istati Ewropej.
Fl-2020, il-Ġermanja kienet l-akbar importatur tal-gass mir-Russja minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-Ġermanja, fl-aħħar ġimgħat, naqqset id-dipendenza fuq il-gass mir-Russja minn 55 għal 35 fil-mija u issa qed taħseb biex, ‘il quddiem, ma tesportax aktar gass minn dan il-pajjiż.
Il-President Russu Vladimir Putin, bħalissa, jinsab taħt pressjoni minħabba s-sanzjonijiet tal-Punent fuq pajjiżu li huma relatati mal-gwerra fl-Ukrajna. Intant, Putin, issa, qed jipprova jserraħ ras l-Istati tal-Ewropa bil-wiegħda li l-kumpannija (Russa) tal-gass Gazprom għandha tirrispetta l-obbligi kollha skont il-kuntratti li ntrabtet bihom.
Dan ukoll meta l-Kremlin qed jirrifjuta l-akkużi li r-Russja qed tuża l-gass bħala strument għal rikatt politiku fil-konfront tal-Punent.
Madankollu, il-pipeline ewlieni tar-Russja qed jiffunzjona fuq livell ta’ 40 fil-mija biss tal-kapaċità normali, b’xi osservaturi jwissu li t-tkomplija tal-provvista tal-gass mir-Russja ma tfissirx li hemm tnaqqis fit-tensjoni politika bejn l-Ewropa u Moska.
Il-kumpannija Gazprom, ix-xahar li għadda, kienet qatgħet il-provvista tal-gass min-Nord Stream 1 waqt li waħħlet fis-sanzjonijiet tal-Punent (għar-Russja) għal din is-sitwazzjoni.
//= $special ?>