Internazzjonali

Ir-Russja: L-ebda konferma li Vladimir Putin jinsab marid

Id-Direttur tas-CIA fl-Istati Uniti qal li ma hemm l-ebda informazzjoni sigrieta li tindika li l-President Russu Vladimir Putin jinsab marid jew ‘inkapaċi li jaqdi d-doveri tal-Presidenza’.

Lanqas ma teżisti xi konferma li Putin seta spiċċa instabbli minħabba xi kundizzjoni fiżika –kuntrarju għall-ispekulazzjoni li ilha għaddejja għal diversi xhur.

Il-media tal-Punent, fl-aħħar xhur, ħarġet b’teorija wara l-oħra fis-sens li Putin, li din is-sena jagħlaq 70 sena, jista’ qed isofri minn marda gravi u waqt li saret ukoll referenza ‘għall-potenzjal ta’ kanċer’.

Iżda William Burns, id-Direttur tal-aġenzija sigrieta Amerikana, qal li, għall-kuntrarju, ‘Putin qed jidher li hu b’saħħtu ħafna’ — anki waqt li l-kelliema uffiċjali f’Moska komplew jirredikolaw ir-rapporti dwar ‘il-problemi fiżiċi’ tal-President Russu li fissruhom bħala ‘kliem fieragħ mingħajr l-ebda sustanza.

Burns ħareġ bl-aħħar kummenti dwar Putin waqt l-Aspen Security Forum organizzat f’Colorado, iżda hu tenna wkoll li l-analiżi tiegħu ma kenitx waħda ‘formali jew konklussiva’.

Intant, il-Kremlin qed ikompli jirrifjuta l-għajdut li Putin jista’ qed ibati minn diversi problemi tas-saħħa – bl-aħħar kummenti dwar is-sitwazzjoni tal-Mexxej Russu jingħataw ukoll fi żmien meta l-Istati Uniti qed tħejji biex tipprovdi lill-Ukrajna b’aktar armamenti għal fuq id-distanzi twal biex tirreżisti l-offensiva tal-qawwiet Russi fl-artijiet Ukreni.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li r-Russja, illum, mgħadhiex qed tikkonċentra l-azzjonijiet militari ‘sempliċiment’ fuq l-artijiet Ukreni tal-Lvant. Lavrov, fil-fatt, indika li l-istrateġija ta’ Moska, issa, inbidlet mal-aħbar li l-Punent qed jissupplixxi lill-Ukrajna bl-armamenti ta’ ċertu kalibru u bil-ħsieb li dawn jintużaw waqt il-gwerra attwali.