Lokali Qorti

Marokkin arrestat l-ajruport jinżamm arrestat wara sejba ta’ 1.7 kilo cannabis

Raġel Marokkin tressaq il-Qorti wara li uffiċjali tad-dwana bbażati fl-ajruport skoprew aktar minn kilo ta’ cannabis fil-bagalja tiegħu. Fil-Qorti l-Ħamis wara nofsinhar quddiem il-maġistrat Lara Lanfranco, l-ispettur tal-pulizija Marshall Mallia akkuża lil Ameur El Hichami ta’ 43 sena, b’reati relatati ma’ konfoffa għall-importazzjoni u t-traffikar ta’ ħaxix tal-cannabis, kif ukoll il-pussess ta’ cannabis f’ċirkustanzi li juru li ma kienx biss għall-użu personali tiegħu.

Hichami, li qal li jaħdem bħala Labourer, qal lill-Qorti li m’għandu l-ebda post fiss ta’ residenza f’Malta. Huwa ġie arrestat ilbieraħ (l-Erbgħa) wara li wasal fuq titjira minn Sivilja, meta il-kontrolluri tad-dwana fl-ajruport sabulu 1.7kg ħaxix tal-cannabis fil-bagalja tiegħu. L-Avukat Joseph P. Bonnici, li deher għal Hichami, f’isem il-klijent tiegħu ppreżenta dikjarazzjoni ta’ mhux ħati tal-akkużi. Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba f’dan l-istadju.