Lokali Qorti

Perit tammetti li serqet minn żewġ ħwienet minħabba l-problema tad-droga

Mara ta’ 50 sena, li qalet lill-Qorti li l-professjoni tagħha hija ta’ perit ammettiet li minħabba d-dipendenza fuq id-droga spiċċat tagħtiha għas-serq. Fil-fatt hija ammettiet żewġ serqiet minn ħwienet bil-Maġistrat Lara Lanfranco poġġietha taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ sentejn.

Ljubica Nedimovic mis-Serbja ġiet mixlija b’żewġ akkużi ta’ serq, li wieħed minnhom kien aggravat. L-ewwel serqa seħħet nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Lulju għall-ħabta ta’ nofsinhar, fl-Adventure Shop fi Triq Dun Karm, Birkirkara. Dan wara li diġa’ kienet wettqet serqa oħra fis-27 ta’ April għall-ħabta tat-3.30 pm mill-istabbiliment Master Cellar fi Triq l-Oratorju, in-Naxxar fejn serqet xorb alkoħoliku.

Mistoqsija jekk kinitx irritornat l-oġġetti misruqa, l-avukat tagħha Joe Brincat qal li ma kinitx għamlet dan. Huwa minn naħa tiegħu appella biex il-ħatja tingħata għajnuna biex tegħleb il-vizzju tad-droga tagħha. Fil-Qorti ngħad li Nedimovic hija perit u l-ewwel darba li ġiet Malta kien nbiex jaħdem fuq il-bini tal-Isptar Mater Dei.

Minn dakinhar, hija kienet waqgħet fil-vizzju tad-droga. Il-prosekuzzjoni qablet li l-akkużat teħtieġ l-għajnuna. “Għandha problema tad-droga u tattendi d-detox kuljum. Ninsab infurmat ukoll li għandha każ ieħor pendenti ma’ spettur ieħor. Infurmat ukoll li hemm każijiet oħra kontriha,” qal l-uffiċjal prosekutur.

Il-Maġistrat Lanfranco qalet li tista’ titlob għall-għajnuna li għandha bżonn, għax hawn meżżi, partikolarment fejn tidħol il-vizzju tad-droga. Hekk kif inħarġet ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn, kienet infurmata li matulhom ikollha tikkollega ma’ uffiċjal tal-probation biex terġa’ tieħu ħajjitha fit-triq it-tajba.

Imponiet ukoll ordni ta’ trattament għall-istess perjodu ta’ żmien għall-problema tad-droga tagħha biex tmur għar-riabilitazzjoni sabiex tkun imfejjqa. Hija ġiet ordnata wkoll iħallas lura l-valur tal-oġġetti misruqa fi żmien sitt xhur. L-ispettur Christabelle Chetcuti mexxiet l-prosekuzzjoni. Għall-akkużat deher l-Avukat Joseph Brincat.