Lokali

“Robert Abela qata’ qalbu quddiem il-problema tal-għoli tal-ħajja” – Bernard Grech

“Żgur li spiċċa ż-żmien li Robert Abela jibqa’ jġib l-iskużi… l-għoli tal-ħajja qed taffettwa lill-faxex kollha tas-soċjeta.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonlista Bernard Grech f’intervista li saritlu fuq Net FM.

Bernard Grech qal li l-għoli tal-ħajja qed taffettwa l-faxex  kollha tas-soċjeta, b’dawk li għandhom inqas paga, din id-daqqa qed iħossuha aktar.

Il-Kap tal-PN qal li huwa evidenti li Robert Abela qata’ qalbu quddiem din il-problema tal-għoli tal-ħajja. Saħaq li Abela għandu obbligu li jibgħat il-messaġġ li mhux aċċċettabbli li l-prezzijiet jgħolew mingħajr ebda ġustifikazzjoni.

Bernard Grech fakkar kif ftit tal-jiem ilu waslet il-konferma mill-Qorti li l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir  kissru d-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista, b’Robert Abela ikollu kontroll assolut fuq il-PBS. Huwa fakkar kif il-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt li jkollu l-verità kollha fuq l-istazzjoni nazzjonali li jħalllas għalih mit-taxxi tiegħu.

Din il-ġimgħa aġenzija internazzjonali tat timbru ikrah lill-Gvern ta’ Robert Abela hekk kif kritikat il-mod kif il-Gvern qassam iċ-ċekkijiet ftit jiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet,  hekk kif dan imur kontra l-istandards internazzjonali. Dwar dan Benard Grech qal li dan kollu huwa turija ċara ta’ abbuż mill-fondi pubbliċi.

Dwar l-aġir tal-Avukat Ġenerali, il-Kap tal-PN qal li l-poplu Malti mhux qed iħossu protett dwar dak kollu li qed ikun żvelat. Huwa żied jgħid li l-Avukat Ġenerali għandha l-obbligu li tispjega għala b’dawn in-nuqqasijiet qed iddgħajjef l-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali. B’Bernard Grech jgħid li jekk dan ma jsirx, ma jkun fadal l-ebda triq ħlief li tirriżenja jew titkeċċa mill-kariga.

Fuq il-legal notice dwar id-daqq tal-mużika fil-Belt Valletta, il-PN huwa favur li l-Belt tkomplu tieħu l-ħajja, iżda dan m’għandux isir a skapitu tar-residenti u a skapitu li l-Belt titlef l-identita tagħha.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-proċess ta’ riforma u tibdil li bħalissa għaddej minnu l-Partit Nazzjonalsita hekk kif fl-aħħar tax-xaħar se jkun hemm il-konferma ta’ Alex Perici Calscione bħala Viċi Kap tal-PN.